Kummerċ Lokali

In-negozji ż-żgħar baqgħu predominanti f’Malta


In-negozji żgħar li jħaddmu sa disa’ persuna huma predominanti f’Malta. Fil-fatt ftit aktar minn 97% kienu dawk li jħaddmu anqas minn 10 u dawk li jħaddmu figuri doppji sa 49 persuna huma biss ta’ ftit aktar minn tnejn fil-mija.

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO – is-sena l-oħra n-numru ta’ negozji reġistrati żdied b’5.8% u kien jammontaw għal 123,649. Fl-2019 kienu reġistrati, 11,326 negozju ġdid filwaqt li ma baqgħux joperaw 5,719. B’kollox, in-numru ta’ negozji żdied b’ 6,779 fuq is-sena ta’ qabel.

Il-biċċa l-kbira, 97.3%, kienu mikro-negozji, li jħaddmu sa disa ‘persuni. 2.1% tan-negozji kienu żgħar, u jimpjegaw bejn 10 u 49 persuna, u 0.4% kienu negozji medji, li jħaddmu bejn 50 u 249 persuna. Negozji kbar li jħaddmu 250 u aktar jammontaw għal 134.

In-numru ta’ entitajiet reġistrati li jħaddmu bejn 10 u 49 persuna, żdied b’266 unità, żieda ta’ 11.4 fil-mija. In-numru ta’ entitajiet reġistrati li jħaddmu bejn 0 u 9 persuni, żdied b’6,479 unità, żieda ta’ 5.7 fil-mija.

Dawk reġistrati fil-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut; tiswija ta’ vetturi bil-mutur u muturi, attivitajiet finanzjarji u ta’ assigurazzjoni, attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi u attivitajiet ta ‘servizzi amministrattivi u ta’ appoġġ ammontaw għal 16.2, 14.9, 12.7 u 8.3 fil-mija rispettivament tat-total ta’ dawk reġistrati fl-2019.

Sadanittant 48.5% ta’ negozji reġistrati kienu sidien uniċi jew sħubijiet, 47.7% kienu responsabbiltà limitata jew kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, filwaqt li 3.8 fil-mija kienu governattivi, bla skop ta’ qligħ jew tipi oħra ta’ organizzazzjonijiet legali