Futbol Sport

Jesmond Abela tal-opinjoni li jaqgħu Tarxien u jitilgħu tlieta mill-Ewwel Diviżjoni

It-Team Manager ta’ Hibernians Jesmond Abela tkellem dwar uħud mill-problemi li qed iħabbtu magħhom il-klabbs Maltin f’din is-sitwazzjoni straordinarja tal-Covid-19. F’intervent waqt il-programm #stayhomereplay, Abela tkellem dwar l-ittra li l-Premier League Standing Committee bagħat lill-MFA biex id-deċiżjoni dwar jekk hux se jkompli l-kampjonat tittieħed kemm jista’ jkun malajr.

Hu għamel referenza li t-titjiriet ta’ ripatrijazzjoni jiskadu fl-10 ta’ Mejju u għalhekk b’deċiżjoni finali dwar it-tkomplija tal-kampjonat jew le, il-klabbs ikunu jistgħu jibagħtu l-plejers li mhux fil-ħsibijiet tagħhom jekk il-kampjonat jieqaf. Abela li għandu esperjenza vasta fil-futbol lokali, semma problema oħra minħabba li l-ajruport hu magħluq u għalhekk jista’ jkun li anki fl-istaġun li ġej, se jkollhom jilagħbu bil-barranin li hawn f’pajjiżna.

Hu qal li jekk il-kampjonat jitwaqqaf, dawk il-plejers li għandhom kuntratt sa tmiem l-istaġun, se jkollhom il-kuntratt imwaqqaf dakinhar u ma jistgħux imorru lura pajjiżhom. “Jien b’responsabbiltà ngħid jiġifieri x’ħa nagħmlu, naqbad u l-barranin nitfagħhom barra mill-flat, ngħidilhom morru oqogħdu taħt is-siġra?” Abela staqsa min se jieħu responsabbiltà ta’ dawk il-plejers li ma jkunux marbuta b’kuntratt u li l-klabb ma għandu ebda obbligazzjoni li jżommhom. Hu tkellem ukoll dwar jekk eżempju t-taħriġ jerġa’ jitkompla f’Settembru, b’referenza għas-salarji ta’ dawk il-plejers hekk kif sostna li l-ebda klabb ma jiflaħ iġorr l-ispejjeż ta’ plejer li ma għandux kuntratt miegħu.

Id-deċiżjonijiet marbuta mal-kampjonat

Dwar id-deċiżjonijiet marbuta mal-kampjonat, Abela jemmen li “aħna għandna nikkumparaw ruħna mal-Lussemburgu, mal-Moldova, mal-Maċedonja u mal-Andorra. Aħna anqas ħadd ma jinduna li jieqaf,” b’referenza li l-kampjonat Malti mhux popolari daqs il-kampjonat fl-Ingilterra u l-Italja. Hu qal li bis-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiż, l-awtoritajiet għamluha ċara li ma jarawx li fil-viċin jista’ jitkompla l-futbol.

Fuq is-sitwazzjoni ta’ Hibernians, Abela qal li “aħna qegħdin biss erba’ punti taħt il-Furjana, b’ċans daqs il-Belt u daqs il-Furjana li nieħdu l-league. U għandna ċans li nieħdu l-league fl-opinjoni miżera tiegħi aktar mill-Belt. Mal-Furjana għad irridu nilagħbu u l-Belt mal-Furjana diġà lagħbu. Aħna għandna ċans li nirbħu l-league u għandna ċans li jaqbżuna ta’ warajna wkoll, Jekk ikollna ċans inkomplu l-league nkompluh.”

Hu semma li l-unika deċiżjoni finali hi li Tarxien Rainbows relegati. Kawża ta’ din id-deċiżjoni, Abela qal li f’din iċ-ċirkostanza jiġu relegati huma u jitilgħu l-ewwel tlieta tal-Ewwel Diviżjoni. B’hekk skont hu, il-Kampjonat Premier l-istaġun li ġej ikun b’16-il tim u l-istaġun li ġej ikunu relegati erba’ timijiet.

Dwar is-suġġeriment tal-President ta’ Gżira United Sharlon Pace li jinqasmu l-flus tal-UEFA għaliex huma għadhom b’ċans li jiksbu post fl-Ewropa, Abela wieġeb li “jekk huma jaħsbu li jistgħu jgħadduna, jien fadalli ċans nieħu l-league u min ħa jieħu l-league jrid jaqsam magħna.”

Skont hu, id-deċiżjoni għandha tkun deċiża fil-Kunsill tal-MFA biex id-deċiżjoni tkun aktar mifruxa fuq nies. Il-kritika ta’ Abela hi li jekk qed jara li l-kampjonat mhux se jitkompla, aħjar tittieħed deċiżjoni finali għax żied li l-posponiment qed ifisser piż finanzjarju. Fost l-ispejjeż hemm il-ħlas tal-appartamenti u s-salarji tal-plejers.

Is-sitwazzjoni tal-UEFA

Jesmond Abela tkellem ukoll dwar il-parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet Ewropej. “Il-UEFA biex ħa mmorru nilagħbu? Ħa mmorru biċ-ċattra biex nilagħbu fil-logħob tal-UEFA u huma kif ġejjin jilagħbu hawn?” Hu żied li aktar jibża li l-UEFA tgħidilhom li se taqbeż l-ewwel rawnds tal-kompetizzjoni għaliex fi kliemu meta bħala klabbs imorru jilagħbu fl-Ewropa, ma jkunux ikkalkulati. Abela kompla li l-UEFA qalet lil kull assoċjazzjoni biex tagħtiha l-ismijiet ta’ min se jikkompeti. Hu fehem li l-aħħar linja gwida kienet li l-UEFA se tiċċekkja d-deċiżjoni li tkun ittieħdet fuq bażi ta’ mertu sportiv.

Il-kwistjoni tas-salarji

It-Team Manager ta’ Hibernians ġie mistoqsi wkoll dwar is-sitwazzjoni tagħhom rigward is-salarji tal-plejers. Hu qal li għadhom ma kellmu lil ħadd u kkonferma li se jħallsu lil kulħadd sal-15 ta’ Marzu. Minn hemm, żied li se joffru dak li jistgħu huma u x’jaħsbu li hu ġust. “Aħna ħa noffru nofs il-paga lil kull min hemm full-timer, irrelevanti l-paga li għandu. Jekk in-nofs jirriżulta anqas mill-paga minima, nagħtu €800 kif qed jagħti l-Gvern.” Hibernians bħalissa għad għandhom tmien barranin f’pajjiżna u żewġ barranin jinsabu barra minn Malta b’kuntratt li ġie sospiż. B’hekk jekk il-kampjonat jitkompla, mhux se tagħmel differenza għall-Pawlisti.