Coronavirus Lokali Qorti

Jiftħu r-Reġistri fil-Qrati bil-mira li l-Ġustizzja tibda t-triq tar-ritorn

Il-Qrati tal-Ġustizzja qegħdin jaħdmu fuq pjan biex jerġgħu jibdew joperaw wara li x-xogħol waqa’ lura minħabba l-pandemija tal-COVID-19. L-ewwel pass beda llum meta fetħu r-Reġistri.

Wara li dawn kienu ngħalqu fis-16 ta’ Marzu li għadda bħala mezz ta’ prevenzjoni, mil-lum kull persuna tkun tista’ tippreżenta atti ġudizzjarji fir-Reġistru tal-Qorti mingħajr il-bżonn li tippreżenta rikors għall-ftuħ tiegħu.

Fil-fatt tfassal pjan loġistiku biex jiddetermina mod sigur kif jopera r-reġistru f’dawn iż-żminijiet. Dan fost l-oħrajn billi jkun hemm sanitizers u maskli disponibbli. Fl-istess ħin twaħħal xi ħġieġ mal-imwejjed kollha f’kull reġistru biex ikunu protetti l-ħaddiema.

Minkejja li l-professjonisti fil-qasam legali xorta qegħdin ikunu mħeġġa biex jagħmlu użu mis-servizzi online, inkluż il-preżentata ta’ ċertu atti li jinsabu fl-eCourts, xorta waħda qed jitħejja pjan biex fi ftit tal-ġimgħat oħra jiżdiedu s-servizzi tal-Qorti u jerġgħu jibdew il-kawżi.

Fil-fatt għadhom għaddejjin taħditiet li kienu bdew ix-xahar li għadda u li fihom kienu nvoluti l-Ministeru tal-Ġustizzja, l-Kamra tal-Avukati, Ġudikanti u Avukati biex fejn jista’ jkun il-Qrati jerġgħu jibdew jaħdmu bil-ħtieġa ewlenija tkun li tidħol ferm aktar it-teknoloġija biex il-kawżi ma jkomplux jaqaw lura.

Hemm qbil dwar il- bżonn li t-teknoloġija fil-Qrati titjieb bil-Qrati kollha għandhom jibdew jaħdmu b’modi ġodda fosthom li jsiru kawżi virtwali u jkunu jista’ jibqa’ għaddej ix-xogħol biex ma jikbirx il-backlog.

Il-bidliet li jridu jsiru mistennija jkopru s-setturi kollha tal-ġustizzja li jinkludu wkoll it-Tribunal Industrijali, l-Kummissjoni dwar ix-Xogħol, il-Kumitat ta’ Inkjesta, Tribunali, Appelli fuq każijiet ta’ Data Protection u kull entità li għandha x’taqsam mal-ġustizzja.

Il-partijiet qegħdin jaqblu li huwa fl-interess ta’ kulħadd li l-kawżi ma jeħlux, kif qed jiġri, dejjem iżda fid-dawl li minkejja li l-pandemija tidher li qed tiġi kontrollata f’Malta, xorta waħda s-saħħa pubblika għandha tingħata priorità u għalhekk huwa mportanti li wieħed jara kif il-Qrati jibdew jiffunzjonaw mingħajr perikli għas-saħħa.