Coronavirus Ekonomija Lokali

L-ispiżeriji mhux se jipprovdu maskri…almenu għalissa

Wara ġimgħat sħaħ iżomm lura dwar il-maskri, u wara li twasslu messaġġi konsistenti li l-parir mediku kien biex ma jintlibsux issa l-Gvern donnu nqabad fuq sieq waħda fejn jidħlu l-maskri protettivi – u biex jipprova jikkontrolla l-prezzijiet eżaġerati li kienu qed jintalbu jħallsu n-nies, spiċċa daħal f’kontroversja ġdida.

Tard ilbieraħ bil-lejl, il-Kamra tal-Ispiżjara tat direttiva lill-ispiżjara biex illum ma jipprovdux surgical masks u visors. Dan wara li l-Ministru Silvio Schembri ħabbar fuq Facebook li kull maskra għandha tinbiegħ għall-prezz massimu ta’ 95ċ.

L-Ispiżjara qed jgħidu li dwar dan, huma ma gewx  ikkonsultati meta huma stakeholders importanti.

Il-Kamra tal-Ispiżjara qalet li l-Ministru tal-Ekonomija tefa’ dawl ikrah fuq l-ispiżjara li qiegħdin jagħtu servizz professjonali fuq quddiem waqt din l-emerġenza medika – messaġġ minn Silvio Schembri li ġie deskritt bħala wieħed li jista’ jnaqqas mhux ftit il-fiduċja tal-pubbliku fihom.

Il-Kamra tal-Ispiżjara fi stqarrija qalet li l-ispiżeriji jissupplixxu maskri ta’ tipi differenti u anki visors, iċċertifiċati minn-wholesalers liċenzjati. Spjegat li l-ispiżeriji u l-ispiżjara ma għandhom ebda kontroll fuq il-prezz ta’ dawn il-prodotti lill-pubbliku, iżda dawn jiġu ffissati mill-wholesalers.

L-ispiżjara qed jinsistu li mhux aċċettabli li l-Gvern tefa’ lil kulħadd f’keffa waħda u tat direttiva biex illum ma jipprovdux surgical masks u visors, sakemm ma tiġix iċċarata s-sitwazzjoni.

NET NEWS ilu ġimgħat sħaħ jistaqsi lill-Gvern dwar l-użu tal-maskri fil-pubbliku, bir-risposta dejjem kienet li l-pariri mediċi huma kuntrarji. Dan meta pajjiżi bhall-Awstrija u r-Repubblika Ċeka ilhom kważi mill-bidu tal-pandemija li għamlu l-maskri tal-wiċċ obligatorji.

Dan l-istazzjon hu infurmat li anke l-ispiżjara ilhom żmien twil li talbu lill-Gvern jiċċara din il-pożizzjoni.

Fl-istess waqt, nies li tkellmu magħna qalulna li xtraw maskri protettivi bi prezzijiet li jvarjaw minn ewro sa 4 ewro kull maskra.