Il-Partit għal-Liġi u Ġustizzja (PiS) fil-Gvern qed jindika li l-elezzjoni għall-Presidenza tal-Polonja — li hi programmata għall-10 ta’ Mejju — x’aktarx li tkun posposta għal ġimgħa jew ġimgħatejn ( jiġifieri għas-17 jew it-23 ta’ Mejju).
Dan wara kritika li l-PiS – ‘permezz tal-insistenza tiegħu biex il-vot isir’ — qed jaħseb fi gwadann politiku aktar milli fil-miżuri adatti għall-ħarsien tas-saħħa pubblika f’dan iż-żmien ta’ kriżi dovut għall-coronavirus.
Il-Polonja, pajjiż ta’ 38 miljuni, irrapporta qrib l-14,000 każ tal-Covid-19 u qrib is-700 mewta – bl-elezzjoni għall-Presidenza qed tkun suġġetta għal dibattitu politiku jaħraq minħabba tħassib dwar is-sigurtà tal-votanti.
Intant, qed jingħad, issa, li ‘vot fis-17 jew it-23 ta’ Mejju għandu jkun possibbli taħt il-kriterji tal-Kostituzzjoni’. Dan waqt li s-sorsi qrib il-Gvern komplew jindikaw li l-elezzjoni tista’ ma ssirx nhar il-Ħadd minħabba ‘tensjoni politika’. Intant, din il-ġimgħa jridu jittieħdu d-deċiżjonijiet kruċjali relatati mal-proċess.
Il-partit żgħir imsieħeb fl-alleanza politika mmexxija mill-PiS ippropona li jestendi l-mandat għall-President Pollakk, Andrzej Duda (alleat tal-PiS) b’sentejn u biex l-elezzjoni ssir fl-2022 mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ Duda.
Intant, l-Oppożizzjoni fil-Polonja trid li l-Gvern iħabbar stat ta’ emerġenza li jkun ifisser li ma ssirx elezzjoni dan ix-xahar.
Il-kritiċi qalu li l-PiS qed jinsisti biex l-elezzjoni għall-Presidenza ssir dan ix-xahar minħabba l-appoġġ kbir għal Duda – li, skont l-istħarriġ, jista’ jirbaħ l-ewwel rawnd b’mod konvinċenti, bi 63 fil-mija tal-vot. Iżda hemm ukoll sinjali li Duda jikseb ‘biss’ 42 fil-mija tal-vot f’każ li l-elezzjoni ssir wara l-pandemija.
//= $special ?>