Edukazzjoni Kultura Lokali

Premju Nazzjonali tal-Ktieb u Terramaxka 2020

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jippubblika l-lista tal-kotba eliġibli li ġew sottomessi għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka 2020. Il-kotba, kollha ppubblikati fl-2019, ġew eżaminati għall-eliġibbiltà mill-bord tal-aġġudikanti skond il-kategoriji rispettivi tagħhom.

B’kollox kien hemm 182 sottomissjoni, 105 titlu mqassma f’disa’ kategoriji tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u 77 titlu mqassma fis-sitt kategoriji tal-Premju Terramaxka.

Fix-xhur li ġejjin, membri tal-bord se jkunu qed jaqraw il-kotba sabiex jagħżlu numru minnhom bħala l-finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka. Il-lista tal-finalisti tiġi ppubblikata kemm fuq il-pjattaformi elettroniċi tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, kif ukoll f’għadd ta’ gazzetti lokali.

Ir-rebbieħa tal-Premju Terramaxka jitħabbru fl-10 ta’ Novembru waqt ċerimonja ta’ premjazzjoni fil-ftuħ uffiċjali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020. Ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jitħabbru aktar tard fis-sena matul ċerimonja ta’ premjazzjoni li ddettalji tagħha jiġu kkomunikati mal-ħin.