Sport Sport Ieħor

Qed ninkwieta li l-problema tal-coronavirus se titwal – Stephen Paris, President Għaqda Regatta Nazzjonali

(Ritratt: Martin Agius)

Il-President tal-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor Stephen Paris esprima t-tħassib tiegħu li l-problema tal-coronavirus qed titwal. Dan fid-dawl li r-Regatta Nazzjonali ta’ Jum il-Vitorja fadlilha madwar erba’ xhur biex issir. Minħabba direttivi tal-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, l-ebda attività sportiva mhi permessa li ssir. Paris fil-kariga tiegħu ta’ President, isaqsi minn żmien għal żmien jekk kienx hemm xi tibdil fl-avviż legali iżda saħaq li bħala assoċjazzjoni ma jippressawx minħabba s-sitwazzjoni preżenti.

Hu għamel referenza għad-diffikultà li għandhom il-klabbs bħalissa. Dan hekk kif għandhom problema bl-isponsors, il-post tal-klabbs fejn jiltaqgħu hu magħluq u min għandu xi ristoranti fil-proprjetà tal-klabb, dawn jinsabu magħluqa. B’hekk il-klabbs bħalissa ma għandhomx dħul iżda l-ispejjeż biex imorru għar-Regatta jibqgħu hemm.

(Ritratt: Martin Agius)

Paris faħħar il-maturità tal-kumitati tal-klabbs li jafu s-sitwazzjoni kif inhi bħalissa u għalhekk mhux qed jippruvaw iġiegħlu lil xi qaddiefa biex jiksru l-avviż legali u jiltaqgħu fi gruppi biex jinżlu jaqdfu. Madankollu hu qal li l-qaddiefa suppost jitħarrġu s-sena kollha u żied li hemm diversi qaddiefa li qed jagħmlu t-taħriġ waħedhom id-dar jew imorru jagħmlu ġirja. Dan hekk kif fil-preżent, atleta ma jistax imur il-gym minħabba li mhux qed jitħallew jiftħu. Normalment, it-taħriġ fil-baħar tal-qaddiefa, jibda bejn tmienja u għaxar ġimgħat qabel ir-Regatta.

Kien hemm min beda juri t-tama li r-Regatta tal-31 ta’ Marzu li ma saritx, issir matul is-sajf. Paris qal li aktar mhu qed jgħaddi ż-żmien, aktar qed issir diffiċli biex dan iseħħ minħabba li l-qaddiefa jridu ż-żmien tagħhom għat-taħriġ. Hu semma kif il-Paegant of the Seas li kellha ssir fis-7 ta’ Ġunju fil-Port il-Kbir mhux se ssir u għalhekk hi indikazzjoni ta’ x’jista’ jseħħ. Fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju, l-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor torganizza t-tlielaq ta’ taħt it-18-il sena, attività oħra li tinsab f’dubju. Iż-żgħażagħ parteċipanti suppost ikunu bdew it-taħriġ f’dawn il-jiem u bħalissa mhux qed jitħarrġu fil-baħar.