Lokali

Raġel isofri ġrieħi waqt argument fl-Imsida

Ritratt: Martin Agius

Raġel ta’ 54 sena minn New Zealand u residenti l-Imsida, qiegħed isofri minn ġrieħi gravi wara li kien involut f’argument fl-Imsida. Jidher li l-vittma ġie aggredit minn raġel ta’ 35 sena li qed jiġi nterrogat mill-Pulizija u li mistenni jitressaq il-Qorti bejn għada u l-Erbgħa.

Kienu għall-ħabta tal-11:15am, x’ħin il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm argument f’appartament li jinsab fi Triq Oscar Żammit, fl-Imsida.

Il-Pulizija tad-Distrett, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, marru minnufih fuq ilpost fejn minn investigazzjonijiet preliminari li għamlu rriżulta li seħħ argument bejn żewġt irġiel. Minn iżjed stħarriġ li sar irriżulta li r-raġel ta’ 54, allegatament, kien aggredit b’daqqiet ta’ sieq f’rasu minn raġel ta’ 35 sena residenti Ħal Tarxien.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta’ l-ewwel għajnuna, waqt li ambulanza ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

Ir-raġel ta’ 35 sena qed jiġi mitkellem mill-Pulizija u qed jgħinha fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin b’rabta mal-każ.