Coronavirus Impenn għas-Saħħa Lokali

St John Rescue Corps Tgħin fil-Ġlieda Kontra l-COVID-19

St John Rescue Corps saret parti integrali mill-isforz koordinat ta’ St John Malta sabiex tappoġġja l-awtoritajiet nazzjonali fil-battalja kontra l-imxija globali tal-COVID-19.

L-għaqda volontarja mhux biss qed tassisti l-awtoritajiet nazzjonali biex jikkontrollaw il-firxa tal-virus, iżda qiegħda wkoll twieżen il-komunità lokali matul il-kriżi.

Tradizzjonalment din l-għaqda hi assoċjata mat-tifi tan-nar u servizz ta’ salvataġġ fil-baħar bi sħab mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, però issa x-xogħol tal-voluntiera tal-Korp qed jiġi indirizzat biex titrażżan u tiġi kkontrollata l-firxa tal-virus, kif ukoll biex tingħata għajnuna essenzjali lill-komunità lokali.

“Meta feġġ l-ewwel każ tal-COVID-19 f’Malta, mill-ewwel irrealizzajna li s-servizz tagħna jaf ikun meħtieġ f’ċirkostanzi ferm differenti minn dawk li mdorrijin naħdmu fihom,” spjega Andrew Grech, Kummissarju u Kmandant tal-Korp. “Osservajna kif is-servizzi mediċi u l-protezzjoni ċivili Taljani ġew daharhom mal-ħajt u ridna nippreparaw irwieħna biex nipprovdu s-sapport li jkun meħtieġ.”

L-ewwel punt li ffukaw fuqu l-voluntiera tal-Korp kien li jattrezzaw irwieħhom b’tagħmir protettiv personali (PPE) u li jitħarrġu mid-Dipartment tal-Protezzjoni Ċivili dwar proċeduri ta’ dekontaminazzjoni, biex ikunu jistgħu jgħinu ’l ħaddieħor b’mod sikur u infurmat.

Barra minn hekk, il-Korp akkwista tagħmir ġdid u tined kbar biex it-taqsima tal-appoġġ mediku tkun tista’ tarma kliniċi fuq il-post jekk ikun hemm bżonn.

“L-għan ewlieni ta’ St John Rescue hu li tipprovdi lill-awtoritajiet b’riżerva ta’ riżorsi fosthom tagħmir u nies imħarrġa li jkunu jistgħu jidħlu fix-xena malli teskala s-sitwazzjoni,” kompla s-Sur Grech.

“Biex jirnexxilna nwettqu dan, ksibna appoġġ sostanzjali mingħand xi kumpaniji, u ta’ dan aħna grati immens. UNEC Co Ltd ipprovditilna l-vannijiet tal-kiri mingħajr ħlas, filwaqt li qed nirċievu wkoll għajnuna mingħand Melita, GO, il-Grupp Stars u PAL.”

F’kollaborazzjoni ma’ Foodbank Lifeline Foundation, il-Korp hu wkoll impenjat li jwassal pakketti ta’ għajnuna ta’ ikel lil familji vulnerabbli. Din il-kollaborazzjoni bdiet bis-saħħa ta’ inizjattiva personali ta’ waħda mill-membri li laqqgħet liż-żewġ organizzazzjonijiet flimkien.

Hemm numru sabiħ ta’ voluntiera li permezz tal-vetturi kbar li għandu l-Korp irnexxielhom iżidu sostanzjalment in-numru ta’ kunsinni li jsiru ta’ kuljum u jieħdu ħsieb li l-għajnuna tasal fejn hemm bżonnha.

Bl-istess mod, kien qed jiġi offrut servizz temporanju ta’ drop-off, fejn il-pubbliku seta’ jmur bil-karozza fil-kwartieri ġenerali tal-Korp fil-Madliena u jħalli donazzjonijiet ta’ ikel li ma jitħassarx malajr, li mbagħad ikun jista’ jiġi mqassam.

Biex jikkomplementa l-inizjattiva ta’ għajnuna alimentari, il-Korp żviluppa wkoll app bis-saħħa ta’ wieħed mill-membri li ħadem fuq dan il-proġett mid-dar tiegħu.

B’dan is-software il-voluntiera tal-Korp jistgħu jorganizzaw l-iskedi tat-tqassim waqt li fl-istess ħin jagħtu l-pożizzjoni tal-GPS tal-indirizzi lis-sewwieqa u jsegwu li x-xogħol jiġi mqassam.

“Sakemm ma nirċevux talbiet formali għall-għajnuna mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jew xi awtorità kostitwita oħra, il-pjan tagħna hu li nibqgħu nipprovdu s-servizz ta’ tqassim ta’ ikel,” assigura s-Sur Grech.

“Se nkomplu dan is-servizz anke jekk ikollna nibagħtu l-voluntiera tagħna fuq xogħol aktar importanti b’rabta mal-COVID-19, u dan nistgħu nagħmluh għax għandna arranġament ma’ kumpanija lokali tal-gaming li lesta toffri voluntiera temporanji biex issaħħaħ is-servizz.”

Id-diffikultajiet ikkawżati mill-kriżi tal-COVID-19 wasslu biex jieqfu s-sorsi ewlenin tad-dħul tal-għaqda – waqt li fl-istess ħin żdiedu l-ispejjeż marbuta mas-servizzi li tipprovdi – u għaldaqstant St John Rescue Corps waqqfet mezz online għad-donazzjonijiet permezz tas-sit elettroniku tagħha.

Min jidħol fis-sit huwa mistieden jappoġġja x-xogħol importanti tal-Korp billi jagħti donazzjoni permezz tal-Paypal jew karta tal-kreditu fuq www.sjrcmalta.org/donate/. Aktar informazzjoni tista’ tinstab online fuq www.sjrcmalta.org jew inkella fuq il-paġna tal-Korp fuq Facebook fuq www.facebook.com/sjrcmalta/.