Tliet persuni ittieħdu b’emerġenza l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku f’Għajnsielem, Għawdex.
Għall-ħabta tal-ħdax u nofs tal-bieraħ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident fi Triq ix-Xatt, Għajnsielem, Għawdex. Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li vettura tal-għamla Honda Civic, li kienet qed tinstaq minn żagħużgħ ta’ 18-il sena residenti x-Xagħra, Għawdex, ħabtet ma’ ħajt u waqgħet għall-isfel. Fil-vettura kien hemm ukoll żewġ passiġġieri: żagħżugħ ta’ 17-il sena residenti x-Xagħra, Għawdex u żagħżugh ta’ 19-il sena residenti Kerċem.
Fuq il-post issejħet l-assistenza tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll ta’ tim mediku. Ambulanza ħadet lit-tliet żgħażagħ l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura. Aktar tard, iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi, filwaqt li l-kundizzjoni taż-żewġ persuni l-oħra għada pendenti.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni tagħha dwar dan il-każ.
//= $special ?>

