Il-Ministru Veneżolan tad-Difiża, Vladimir Padrino, iddikjara stat ta’ allert permanenti wara li l-awtoritajiet f’Caracas qalu li ġabu fix-xejn attentat ta’ invażjoni minn ‘merċenarji’.
Qed jingħad li l-merċenarji użaw l-opri tal-baħar biex jinfiltraw il-pajjiż ‘għal azzjonijiet terroristiċi’ u fejn, allegatament, kellhom il-ħsieb li jqaċċtu lill-President tal-Veneżwela, Nicolas Maduro, mill-poter.
Il-Gvern tax-xellug li qed imexxi lill-Veneżwela qal li s-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll wara li l-qawwiet tiegħu qatlu talanqas tmienja fost l-allegati merċenarji.
Il-Ministru Veneżolan għall-Intern, Nestor Reverol, qal li l-grupp tal-merċenarji kien ġej mill-Kolombja u li l-membri tiegħu kienu waslu bid-dgħajjes qrib il-kosta ta’ La Guaira fejn interċettawhom il-militar u t-taqsimiet tal-pulizija speċjali tal-Veneżwela.
Ingħad li l-merċenarji pruvaw jinżlu fuq bajja f’Macuta, lejn it-Tramuntana ta’ Caracas, fost rapporti li numru minn dawn tilfu ħajjithom, b’oħrajn jispiċċaw arrestati waqt konfronti sussegwenti mal-militar u l-pulizija Veneżolani.
L-aħħar rapporti qalu li l-qawwiet tal-Veneżwela damu s-sigħat ifittxu għall-‘kumplament tal-aggressuri’ fuq l-art, u f’liema tfittxija intużaw ukoll diversi mezzi tal-ajru u tal-baħar.
Il-President Maduro kemm-il darba jakkuża lill-avversarji tiegħu b’li qed jippruvaw iwarrbuh mit-tmexxija ta’ pajjiżu – fejn isostni li l-avversarji qegħdin jingħataw l-għajnuna mill-Istati Uniti.
Madankollu, l-Oppożizzjoni f’Caracas qed tiċħad li seħħet tassew l-inkursjoni ‘mill-merċenarji’. Hi qed tgħid li l-inċidenti kienu kollha parti ‘minn pjan maħsub tat-Tmexxija f’Caracas biex tqarraq bil-poplu’.
Juan Guaido, li hu rikonoxxut minn talanqas 50 pajjiż bħala l-mexxej leġittimu tal-Veneżwela, akkuża lill-Gvern ta’ Maduro b’li qed jipprova jneħħi l-attenzjoni minn fuq numru ta’ azzjonijiet vjolenti fil-pajjiż, fosthom irvell qattiel ġo kumpless ta’ ħabs u battalja, fi tmiem il-ġimgħa, bejn gruppi ta’ kriminali rivali.
Guaido qed igawi l-appoġġ tal-Istati Uniti li, min-naħa tagħha, użat is-sanzjonijiet biex tisforza ‘il barra lill-President Maduro u lill-Partit Soċjalista tiegħu li ilu jamministra fuq kriżi soċjali u ekonomika qalila fil-Veneżwela.
Kelliema għall-Gvern tal-Kolombja, sadanittant, insistew li l-allegazzjonijiet dwar ‘l-invażjoni’ ma għandhom l-ebda bażi fir-realtà u li l-Gvern tal-Veneżwela ‘għandu interess li joħroġ b’dawn l-istejjer ivvintati’.
Il-Veneżwela, proprju s-sena l-oħra, kienet kisret ir-relazzjonijiet diplomatiċi mal-Kolombja.
//= $special ?>