Lokali Parlament

Wara biss tliet snin il-Gvern reġa’ bidel mill-qiegħ il-Liġi tal-Koabitazzjoni

Claudette Buttigieg, PN

Wara biss tliet snin il-Gvern reġa’ bidel mill-qiegħ il-Liġi tal-Koabitazzjoni u ppreżenta liġi ġdida; liema liġi l-Oppożizzjoni tat-kontribut kbir fiha.

Fil-parlament Claudette Buttigieg qalet li kien il-Kap tal-PN Adrian Delia li ressaq proposti bażiċi biex jiddaħħlu f’din il-liġi u sostniet hu ta’ diżappunt li l-abbozz ta’ liġi li kien ħejja Chris Said qatt ma resaq fil-parlament.

Hi semmiet id-divorzju u qalet li r-realtajiet iridu jkunu rikonoxxuti u sostniet li n-nies iridu jkunu jafu bil-protezzjoni li jkun hemm. Jeħtieġ li jkun hemm edukazzjoni dwar din il-liġi għaliex l-aktar li se jsiru l-emendi huma dawk li l-aktar għadhom bżonn ikunu informati.

Id-deputat Nazzjonalista enfażizzat ir-realtajiet tal-persuni tal-istess sess li jgħixu flimkien u spjegat is-sitwazzjoni tal-persuni li jkollhom diffikultajiet finanzjarji fir-relazzjonijiet.

Hi għażla għaqlija li titħalla d-diskrezzjoni tal-qorti, sostniet Claudette Buttigieg, li kompliet li tliet snin ilu, l-PN kienet għamelt il-kritika tagħha. Illum mhux qed isiru emendi għal-liġi ta’ tliet snin ilu iżda l-liġi qed terġa’ tinkiteb mill-ġdid. Il-Gvern qed iżarma kompletament il-liġi li kienetressqet Helena Dalli.

L-akbar differenza bejn il-liġijiet hi li fil-liġi eżistenti l-persuni jistgħu jkollhom tliet tipi ta’ koabitazzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar l-effetti fuq in-nies u qalet jeżistu grupp ta’ nies li b’liġi li ma kinitx sew kienu qed jingħataw ammont ta’ drittijiet iżda issa se ssir liġi ġdida iżda d-drittijiet li kien hemm se jinteremew. Is-soluzzjoni hi li terġa’ ssir reviżjoni. Jeħtieġ li ma jkunx hemm abbuż minn xi ħadd fuq xi ħadd ieħor. L-inċertezza legali kienet serja ħafna.

Il-liġi preżenti ġiet fis-seħħ fl-2017 u kienet emendata fl-2018 biex illum hemm proposta ta’ liġi ġdida li tirregola l-koabitazzjoni. Il-PN qatt ma kien kontra l-liġi tal-koabitazzjoni iżad l-liġi li tfasslet ma kinitx se twassal għall-għan li għalih tfasslet. M’għandux ikun hemm liġi li tneħħi xi drittijiet.

Kif inhi l-liġi jista’ jkun hemm koabitazzjoni unliterali; sitwazzjoni li għandha titneħħa għax toħloq komplikazzjonijiet kbar. Se tibqa’ l-koabitazzjoni b’kuntratt iżda m’hemm xejn li jħajjar persuni li jidħlu f’dan il-kuntratt.

Hemm biss 13 minn dawn il-kuntratti; prova li m’hemmx interess li l-koabitazzjonijiet ikunu reġistrati. Ma kienet qed tagħmel ebda sens li jkun hemm liġi li tagħmel koabitazzjoni b’kuntratt biss.

Claudette Buttigieg tkellmet dwar diversi sitwazzjonijiet ta’ familji differenti partikolarment relazzjonijiet fejn il-koppji m’għandhomx irbit kuntrattwali. Jeħtieġ li dawn in-nies ikunu protetti fosthom għal dawk li jgħixu flimkien iżda m’humiex familja. Hu żball li titneħħa l-frażi ‘relazzjoni intima’.

Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar id-drittijiet bażiċi u sostniet li jekk ma jsirux emendi se jintilfu diversi drittijiet. Hi trattat ir-relazzjonijiet de facto u qalet li fl-Awstralja hemm protezzjoni f’dan il-kuntest fil-kuntest tat-tfal u l-aspett finanzjarju.

Claudette Buttigieg smmiet il-pożizzjonjiet li kienet ħadet il-Kamra tal-Avukati u qalet li r-relazzjonijiet de facto ma jistgħux jitħallew barra kompletament. Din il-liġi għandu jkollha kampanja edukattiva qawwija.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-vjolenza domestika għandha tingħata iktar attenzjoni u għalhekk din il-liġi għandha tirrispetta dak li hemm fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul biex ikunu protetti l-aktar nies vulernabbli. Il-liġi ma fiha xejn dwar il-vjolenza domestika, l-abbandun, l-eċċess u l-moħqrija, sostniet Claudette Buttigieg, li appellat biex dan in-nuqqas serju jkun irranġat.

Hi tkellmet dwar il-liġi tal-adottazzjoni u qalet li anki dwar din il-liġi m’hemm riferenza u għalhekk din għandha tkun ikkunsidrata.