5 TA’ MEJJU 2010
Għalkemm kienu aċċertati mir-rebħ tal-kampjonat, iċ-champions il-ġodda Birkirkara riedu xorta li jtemmu l-kampjonat b’rebħa. F’logħba mingħajr wisq interess, huma kienu megħluba minn Valletta 4-2 biex fil-klassifika spiċċaw punt wara l-Istripes. Il-kuluri aħmar u isfar iddominaw nofs l-Enclosure u nofs il-Millenium Stand.
Valletta fetħu l-iskor fil-21 minuta meta TERENCE SCERRI ħa vantaġġ minn żball ta’ Paul Fenech u għadda l-ballun minn bejn saqajn Jorge Mora. L-iskor sar 2-0 fit-43 minuta bi free-kick preċiż ta’ EDMOND AGIUS. Birkirkara naqqsu d-distakk fil-bidu tat-tieni taqsima b’passaġġ ta’ Trevor Cilia jsib lis-solitu MICHAEL GALEA li b’xutt fil-baxx ma żbaljax. Iżda Valletta reġgħu kisbu vantaġġ doppju żewġ minuti wara, bl-attakkant TERENCE SCERRI jantiċipa lil Nikola Vukanac u Mora biex tefa’ fix-xibka.
It-tim ta’ Paul Zammit reġa’ naqqas id-distakk fis-56 minuta b’passaġġ ieħor ta’ Cilia, din id-darba lejn SYLVANO COMVALIUS li skorja b’xutt fil-baxx. TERENCE SCERRI għaqqad it-tripletta personali fl-64 minuta meta għeleb lis-sostitut Omar Borg wara li rċieva mingħand Njongo Priso.
Għalkemm it-tisfira finali ta’ Adrian Azzopardi fissret li Birkirkara tilfu l-aħħar logħba, dawk preżenti kienu qed jistennew il-mument li l-President tal-MFA Joe Mifsud jagħti t-trofew lill-captain ta’ Birkirkara Michael Galea, li għolla t-trofew fost il-ferħ tal-partitarji numerużi li telgħu fl-Istadium Nazzjonali.
//= $special ?>