Futbol Sport

18-IL SENA ILU: Hibernians jiċċelebraw id-disa’ kampjonat bi draw kontra Birkirkara

(Ritratt: In-Nazzjon)

5 TA’ MEJJU 2002

Hibernians għalqu l-impenji tagħhom fil-kampjonat bi draw ta’ 2-2 kontra Birkirkara, fil-ġurnata li ċċelebraw id-disa’ kampjonat fl-istorja tagħhom. Huma kienu assiguraw mir-rebħ tal-kampjonat qabel l-aħħar logħba u għalhekk setgħu jippreparaw iċ-ċelebrazzjonijiet tagħhom. Fil-klassifika finali, Hibernians spiċċaw bi 42 punt, sitta aktar minn Sliema Wanderers u 11-il punt aktar minn Birkirkara, li b’dan id-draw spiċċaw qabel Valletta. F’dak iż-żmien, il-kampjonat kellu l-format taċ-Championship u r-Relegation Pool filwaqt li kienu jinqasmu l-punti wara t-tieni rawnd.

(Ritratt: In-Nazzjon)

Birkirkara fetħu l-iskor fit-18-il minuta meta Michael Galea twaqqa’ minn Adrian Pulis fil-kaxxa. Mill-penalty inkariga ruħu l-istess MICHAEL GALEA li skorja mir-rebound wara li l-ewwel xutt kien salvat parzjalment minn Mario Muscat. Hibernians ġabu d-draw fis-27 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ ADRIAN PULIS wara korner ta’ Adrian Ciantar. It-tim immexxi minn Robert Gatt ħareġ aktar determinat fit-tieni taqsima u fis-57 minuta l-iskor sar 2-1. Kien ADRIAN CIANTAR li qabeż żewġ plejers fil-kaxxa u b’xutt djagonali għeleb lil Robert Savic.

(Ritratt: In-Nazzjon)

Hibernians setgħu rduppjaw il-vantaġġ meta ngħataw penalty iżda x-xutt ta’ Mario Muscat kien imdawwar f’korner minn Savic. Huma pattew qares għaliex fl-64 minuta Birkirkara ġabu d-draw, b’azzjoni ta’ JOE BRINCAT li kkontrolla tajjeb fil-kaxxa u minkejja li kien issikkat, irnexxielu jegħleb lil Muscat minn pożizzjoni ftit angolata. Wara l-partita komplew il-festi ta’ Hibernians, bil-kulminu jintlaħaq meta l-President tal-MFA Joe Mifsud ippreżenta t-trofew lill-captain ta’ Hibernians Silvio Vella.

(Ritratt: In-Nazzjon)