Futbol Sport

25 SENA ILU: Hibernians jassiguraw it-tieni kampjonat konsekuttiv b’rebħa kbira fuq St. George’s

(Ritratt: In-Nazzjon)

5 TA’ MEJJU 1995

Hibernians kisbu t-tieni kampjonat konsekuttiv meta fl-aħħar logħba kisbu rebħa kbira ta’ 6-0 kontra St. George’s. Il-partitarji Pawlisti kienu numerużi jistennew lit-tim tagħhom biex jirbaħ il-punti li kellu bżonn, b’Hibernians jirbħu t-tmien kampjonat fl-istorja tagħhom. Fil-klassifika wara 18-il logħba, Hibernians spiċċaw bi 43 punt wara 13-il rebħa, erba’ draws u telfa.

(Ritratt: In-Nazzjon)

Fil-logħba huma ddominaw mill-bidu sal-aħħar. DAVID CARABOTT fetaħ l-iskor wara disa’ minuti u żewġ minuti wara minn kross ta’ Silvio Vella, GEORGE LAWRENCE skorja b’xutt b’saħħtu. Erba’ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, reġa’ kien GEORGE LAWRENCE li għal darba oħra skorja b’xutt qawwi. Il-festa ta’ Hibernians kompliet fit-52 minuta meta minn daqqa ta’ ras ta’ Attard, il-ballun ħabat ma’ id Tellus. Inkariga ruħu l-captain MICHAEL WOODS ma falliex.

(Ritratt: In-Nazzjon)

Tliet minuti wara wasal il-ħames gowl li kien l-isbaħ wieħed tal-logħba. DARREN ATTARD spara bid-dawra minn tarf il-kaxxa u ħalla lil Barry iċċassat. CHARLIE SCERRI ssiġilla r-rebħa bis-sitt gowl fit-68 minuta. Fi tmiem il-partita bdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Hibernians, bil-captain Michael Woods jgħolli t-trofew Coca Cola li rċieva mingħand il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Joe Mifsud.

(Ritratt: In-Nazzjon)