Lokali Transport

Jonqsu l-inċidenti tat-traffiku fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena

Din is-sena l-inċidenti tat-traffiku naqsu bi 8.2% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra. Punt mill-aktar pożittiv huwa li n-nies li ndarbu minn inċidenti tat-traffiku naqsu wkoll u b’rata aktar għolja

Minn statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO ħareġ li bejn Jannar u Marzu li għadda kien hemm 3,357 inċident tat-traffiku. In-nies li weġġgħu minn dawn l-inċidenti naqsu bi 15% u fl-ewwel kwart tas-sena l-inċidenti li fihom weġġgħu persuni kienu ta’ 306.

It-total ta’ nies li weġġgħu gravi kienu ta’ 59, bi 36 persuna jkunu xufiera, 9 passiġġiera u 14-il persuna oħra kienu nies mexjin fit-triq jew ċiklisti. Kienu żewġ persuni li mietu minn inċidenti tat-traffiku li seħħew bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena.

Żewġ terzi tan-nies li ndarbu f’inċidenti tat-traffiku kienu rġiel u l-età tal-maġġoranza ta’ dawk li weġġgħu gravi kienet ta’ bejn il-41 u d-59 sena. Il-biċċa l-kbira tal-inċidenti tat-traffiku involvew karozzi, li kienu jammontaw għal 70.3% segwiti mill-muturi bi 22.5% u vetturi li jġorru l-merkanzija bħal vannijiet u trakkijiet b’4.6%.

L-aktar postijiet li fihom seħħew inċidenti tat-traffiku kienu Birkirkara, Ħal Qormi u l-Mosta filwaqt li r-raħal kwiet tal-Għarb, San Lawrenz u fil-belt siekta tal-Imdina ġie rrappurtat biss inċident wieħed tat-traffiku f’kull post.

L-aktar ħin li saru nċidenti kien bejn 12:00pm u ftit qabel it-3:00pm. u l-inqas perjodu ta’ ħin li seħħew inċidenti kien bejn 3.00am. u ftit qabel is-6.00am.
.