Coronavirus Impenn Favur l-Anzjani

L-anzjani jappellaw lill-Gvern biex iraħħas il-kontijiet tad-dawl u ilma

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani, fi stqarrija għamel appell lill-Gvern biex iraħħas il-kontijiet tad-dawl u ilma. Il-Kunsill sostna li filwaqt li japprezza l-assistenza finanzjarja li qed jagħti l-Gvern lil diversi setturi tas-soċjetà minħabba l-pandemija tal-COVID-19, qed jirrakkomanda bis-sħiħ lill-Ministru tal-Familja biex jirrikonoxxi l-ispejjeż ġodda li qed ikollhom isofru ħafna anzjani.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-anzjani qegħdin jitolu lill-Gvern biex jikkunsidra minnufih it-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għax dan il-pass iservi biex itaffi xi ftit mit-tbatija u l-ansjetà tal-anzjani Maltin u Għawdxin.

Il-KNA qal li waqt il-pandemija tal-Covid-19, baqa’ dejjem konxju tat-tbatija u l-ansjetà li rriżultat partikularment fuq l-anzjani Maltin u Ghawdxin. Peress li, sa mill-bidu tal-pandemija l-anzjani kienu ndikati fost l-aktar vulnerabbli għal din il-marda, aċċetta u apprezza l-istruzzjonijiet raġonevoli mogħtija mill-mexxejja tad-Dipartiment tas-Saħħa biex kemm jista’ jkun titrażżan il-firxa tal-pandemija.

L-anzjani kienu fost l-aktar li sofrew minn dawn ir-restrizzjonijiet, l-aktar minħabba li ħafna minnhom kellhom u għadhom miftumin mill-għeżież uliedhom u neputijiet tagħhom.

Madanakollu, Il-Kunsill Nazzjonali Anzjani japprezza mmensament l-appoġġ u l-għajnuna kbira li huma rċevew minn kull sezzjoni tal-poplu Malti.

F’dan ir-rigward, il-Kunsill jixtieq jirringrazzja b’mod partikulari lil-mexxejja tad-Dipartiment tas-Saħħa li b’għaqal kbir kienu ta’ ispirazzjoni fil-pjanijiet tagħhom, sodi u ċari fl-istruzzjonijiet li ħarġu u fl-informazzjoni korretta li ta’ kuljum huma xandru għas-sodisfazzjon ta’ kulħadd.

Il-Kunsill irringrazzja lit-tobba, nurses, paramediċi u oħrajn li kienu – u għadhom – il-ħin kollu fuq quddiem nett jiġġieldu kontra din l-epidemija kiefra, b’riskju għas-saħħa tagħhom personali u ħafna minnhom anki privi mill-familji tagħhom għall-ġimgħat sħaħ.

Ukoll lil eluf ta’ ħaddiema oħra li wkoll, b’sogru għal saħħithom kienu ta’ spalla kontinwa għal dawn ta’ qabel, fosthom, il-ħaddiema anċillari tal-isptarijiet u fuq kollox membri tal-forzi tal-ordni li kellhom id-dmir li jaraw li l-istruzzjonijiet u d-direttivi maħruġa jiġu osservati min kulħadd.

Il-Kunsill qal grazzi wkoll lill-eluf ta’ żgħażagħ u oħrajn f’organizzazzjonijiet volontarji li spikkaw bil-ħeġġa f’inizjattivi biex igħinu lil kulħadd speċjalment lil anzjani fi djarhom.