Basketball Coronavirus Sport

L-isport mhux qed jiġi kkunsidrat u ma nafux fejn qegħdin – Paul Sultana, President tal-MBA

Il-President tal-Malta Basketball Association Paul Sultana jħoss li f’dan il-mument tal-pandemija tal-coronavirus, l-isport mhux qed ikun ikkunsidrat u b’hekk il-plejers, il-klabbs u l-assoċjazzjonijiet ma jafux fejn jinsabu fir-rigward ta’ meta għandhom jerġgħu jibdew l-attivitajiet tagħhom.

“Ma tistax tgħid li l-isport kollu wieqaf għax mhux kollha l-istess,” kompla Sultana. Il-President tal-MBA semma l-eżempju tat-track tal-atletika li tinfetaħ b’numru limitat ta’ atleti, għaliex jekk it-track tinsab magħluqa, l-atleti xorta qed jiġru fit-toroq. Hu ġab l-eżempju għaliex sport bħaċ-ċikliżmu jinsab wieqaf kif ukoll sport bħat-tennis, it-table tennis u l-badminton fejn dawn l-isport individwali jintlagħbu b’ċertu distanza.

Sultana kompla li trid issir evalwazzjoni tas-sitwazzjoni f’Malta u mhux bi tqabbil ma’ pajjiżi oħra, għaliex ir-rata tat-trażmissjoni f’pajjiżna hi baxxa. “Ma jistgħux id-Dipartiment tas-Saħħa joħolqu sottokumitat b’interess tal-Kumitat Olimpiku Malti u nies oħra nvoluti fl-isport biex jaraw kif u meta l-isport jista’ jirritorna?”

Hu mifhum li fil-jiem li ġejjin, il-Kumitat Olimpiku Malti se jkun qed jitlob laqgħa mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci biex ikollhom aġġornament dwar fejn jinsab l-isport f’għajnejn l-awtoritajiet.

(Ritratt: Martin Agius)

Is-sitwazzjoni tal-basketball f’pajjiżna

Madwar ġimagħtejn ilu, l-MBA flimkien mar-rappreżentanti tal-klabbs iddeċidew li l-kampjonati BOV tal-Ewwel Diviżjoni u Amateur tal-irġiel u l-kampjonat MAPFRE MSV Life tan-nisa ġew ikkanċellati u tterminati. Il-kompetizzjonijiet l-oħra jiġifieri l-BOV knock-out u t-Tazza Louis Borg tal-irġiel, il-MAPFRE MSV Life knock-out u t-Tazza Louis Borg tan-nisa, il-BOV knock-out tal-Amateur u l-finali ta’ taħt it-23 sena tal-irġiel, għalissa huma posposti.

Il-klabbs kienu qablu dwar il-possibbiltà li jekk l-awtoritajiet tas-saħħa jagħtu l-permess sal-aħħar ta’ Mejju u t-taħriġ ikun possibbli, l-MBA tagħti tliet ġimgħat preparazzjoni u l-logħbiet li fadal jintlagħbu sal-aħħar ta’ Lulju. Dan japplika wkoll għall-kampjonati taż-żgħażagħ. Paul Sultana kkonferma li jekk ikollhom iċ-ċans jilagħbu l-kompetizzjonijiet li fadal filwaqt li jixtiequ li jkomplu l-kampjonati taż-żgħażagħ.

Meta ttieħdet id-deċiżjoni li jieqfu l-kampjonati tal-basketball, ġie deċiż ukoll li f’nofs Mejju ssir laqgħa oħra biex tiġi aġġornata s-sitwazzjoni dakinhar. Paul Sultana semma x-xewqa li tal-anqas ikunu jistgħu jinfetħu l-courts ta’ barra.

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Ir-raġuni prinċipali għaliex twaqqfu l-kampjonati kienet li l-istaġun regolari ma kienx għadu spiċċa filwaqt li kien fadal is-semifinali u l-finali tal-play-offs. Hu kkonferma li l-plejers barranin li ma jgħixux f’pajjiżna kollha kienu ħallew Malta iżda l-klabbs kienu lesti li jkomplu l-istaġun mingħajr barranin.Dwar l-istaġun li ġej, Sultana qal li l-kampjonati jibdew lejn tmiem Diċembru u l-bidu ta’ Jannar. Għalhekk jekk il-problema tal-coronavirus titwal, l-iktar li jistgħu jitħassru huma l-kompetizzjonijiet ta’ qabel il-kampjonat.

(Ritratt: Matthew Tabone)