Lokali

“Ngħożżu dak li jagħmilna Maltin” – Adrian Delia

“Il-banda tar-raħal hi parti importanti u għal qalb il-Maltin u l-Għawdxin. Parti mill-kultura li tant ngħożżu. Xi ħaġa li rridu nkomplu nsostnu u nindukraw biex tibqa’ parti li ma tintilifx minn dik li hi l-ħajja tal-Maltin”.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa virtwali li kellu mal-Għaqda Każini tal-Banda, li saret bħala parti minn sensiela ta’ laqgħat li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista f’dawn il-ġimgħat.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista qed juża’ dan iż-żmien partikolari biex jersaq ferm aktar qrib l-oqsma kollha tas-soċjetà – in-negozji u l-ħaddiema, imma anke l-NGOs u għaqdiet li jiffurmaw parti kruċjali mis-soċjetà tagħna.

Hu qal li żmien bħal dan joffri mhux biss sfidi, iżda jista’ jkun ukoll żmien ta’ opportunità biex wieħed jirriffletti u jaħseb kif jista’ jtejjeb l-operat tiegħu.

Matul il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Każini tal-Banda għandhom rwol soċjo-kulturali fil-komunitajiet, fejn minbarra l-aspett soċjali li jlaqqa’ lil ħafna persuni flimkien għal ħin ta’ rilassament u divertiment, għandhom ukoll l-aspett edukattiv, bit-tagħlim tal-mużika għall-bandisti żgħażagħ.

Il-laqgħa serviet biex membri tal-Għaqda, immexxija mill-President Noel Camilleri, setgħu jitkellmu fid-dettall dwar l-akbar sfidi u diffiiktulatjiet li qed jiffaċċjaw bħala għaqda, kif ukoll bħala Każini.

Għall-laqgħa kien hemm ukoll Omar Xuereb, viċi President, Rendell Micallef, Amministratur tal-Għaqda, Chris Briffa, Teżorier, Francine Farrugia, responsabbli mill-applikazzjoni għall-fondi, Ray Zammit, responsabbli mid–Digitilazzjoni, u Joe Bajada, rappreżentant tal-baned Għawdxin.

Sar qbil bejn iż-żewġ naħat li laqgħat bħal din jibqgħu isiru b’mod regolari u virtwali, anke meta tgħaddi l-pandemija. B’hekk, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jżommu ruħu aġġornat b’dak kollu li jkun għaddew fil-qasam kulturali f’pajjiżna.

Preżenti għal din il-laqgħa flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm ukoll Robert Cutajar, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-NGOs, Therese Comodini Cachia, Kelliema għall-Kultura, u Edwin Vassallo bħala l-Kelliem għad-Delizji.