Lokali Qorti

Żagħżugħ jinżamm arrestat wara sejba ta’ droga f’karozza u garaxx f’Ħal Balzan

Żagħżugħ minn Santa Venera li jaħdem bħala ‘cab driver’ inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie fil-Qorti b’rabta ma’ sejba ta’ droga f’karozza u f’garaxx Ħal Balzan, liema droga allegatament kienet qed tiġi traffikata.

Cliven Mallia ġie mixli li fil-5 ta’ Mejju kellu fil-pussess tiegħu l-kannabis f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għal użu esklussiv tiegħu. L-Ispettur Jonathan Cassar, li investiga l-każ qal lill-Maġistrat Joe Mifsud li l-Pulizija rċeviet informazzjoni li kienet qed tinbiegħ d-droga minn Ħal Balzan.

Il-Pulizija għalhekk marret fuq il-post u ġibdet filmati taż-żagħżugħ ħiereġ mill-garaxx b’karozza. Fil-ġurnata indikata Mallia kien segwit sakemm il-Pulizija qabduh ma’ persuna oħra f’karozza li fiha nstabu madwar 10 grammi kannabis.

Tfittxija fil-garaxx wasslet għas-sejba ta’ madwar 750 gramma oħra ta’ kannabis. Il-Pulizija sabu wkoll €3,000 fi flus kontanti. Mallia wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u permezz tal-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia għamel talba għall-ħelsien mill-arrest.

L-Ispettur Cassar oġġezzjona bil-qawwa kollha għal din it-talba minħabba l-fatt li għad hemm tliet persuni pajżana għad iridu jixhdu. Dawn huma l-persuna li kienet miegħu, sid il-karozza u sid il-garaxx.

Il-Maġistrat Mifsud ċaħad t-talba għall-ħelsien mill-arrest u baqa’ miżmum fil-lock-up tal-Qorti sakemm jgħaddi l-perjodu ta’ kwarantina u wara jittieħed il-Ħabs.