Atletika Sport

66 SENA ILU: Roger Bannister isir l-ewwel atleta li ġera l-mil f’anqas minn erba’ minuti

6 TA’ MEJJU 1954

Bħal-lum 66 sena ilu, Roger Bannister laħaq il-quċċata tal-karriera tiegħu. Dakinhar hu sar l-ewwel atleta li ġera l-mil f’anqas minn erba’ minuti. F’dak iż-żmien kienet kisba kbira hekk kif għal diversi snin, l-atleti bdew jersqu viċin iżda ma rnexxielhomx. Fost l-atleti li resqu viċin kien hemm l-Iżvediż Gunder Haegg, Johnny Landy, Wes Santee. Bannister beda taħriġ speċjali għal din l-okkażjoni matul ix-xitwa kollha flimkien ma’ sħabu Chris Brasher u Chris Chataway fil-klabb ta’ Achilles.

It-taħriġ kien intensiv taħt il-kowċ magħruf Franz Stampfl. It-track f’Iffley f’Oxford kien oriġinarjament ta’ tliet dawriet għal distanza ta’ mil u kien l-istess Bannister li kien l-aktar responsabbli li din tinbidel għal dawra twila kwarta ta’ mil. Dakinhar fl-Università ta’ Oxford, kienet ġurnata ta’ riħ u xita iżda ftit qabel il-ħin tat-tiġrija, ix-xitwa waqfet u r-riħ naqas sewwa. F’tellieqa bejn sitt atleti, Bannister ried jagħmel l-aħħar dawra f’59.4 sekonda.

Bi ftit aktar minn 200 metru għat-tmiem, Bannister mar fuq quddiem u baqa’ hemm sat-tmiem. Hu temm it-tellieqa fi tliet minuti 58.8 sekonda biex għamel l-impossibbli, possibbli. L-aħħar żewġ atleti ma spiċċawx it-tellieqa għaliex dawk preżenti nvadew it-track. Fl-istess sena, Bannister kien rebaħ ukoll fil-Logħob tal-Commonwealth f’Vancouver fil-Kanada .