Coronavirus Lokali

Adrian Delia jitkellem mal-anzjani

Matul il-ġurnata tal-Erbgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, mill-uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali, tkellem ma’ numru ta’ anzjani li bħalissa qed jgħixu f’dar tal-anzjani fin-Naxxar. Dan permezz tat-teknoloġija fuq pjattaforma online.

Kienu ħafna dawk li qasmu ma’ Adrian Delia x-xewqat tagħhom għal wara li tgħaddi l-pandemija tal-COVID-19; min jixtieq joħroġ mixja fil-kampanja, min dawra b’mutur jew karrozza u min ma jistax jistenna biex jerġa jgħannaq it-tfal u neputijiet.

Numru minnhom tkellmu dwar arranġamenti li kellhom jagħmlu fil-ħajja ta’ kuljum f’dik li sejħu realtà ġdida li ħafna minnhom qed iħarsu lejha b’mod ottimist.

Adrian Delia u l-anzjani qasmu flimkien numru ta’ ġrajjiet personali mill-ħajja tagħhom fejn ma setax jonqos l-anzjani jitkellmu fuq in-neputijiet tagħhom.

Isemma’ wkoll id-differenza fil-ġenerazzjonijiet fejn ħafna mit-tfal tal-lum draw bit-tekonoloġija jibqgħu ġewwa mentri dawk ta’ età ftit ikbar draw b’ħajja iktar fuq barra u forsi iktar sempliċi.

Adrian Delia tkellem fuq id-differenzi li ġabet magħha l-Coronavirus fosthom li issa għandu ċans jiltaqa’ ma ħafna iktar nies permezz ta’ pjattaformi online għaliex dan ineħħi l-ħin li wieħed iqatta fit-traffiku biex jasal minn post għall-ieħor.

L-anzjani ddiskutew ukoll l-pensjonijiet li xi kultant ma jkunux biżżejjed biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja. Finalment, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wiegħed lil dawn l-anzjani li ser iżomm kuntat magħhom anke permezz ta’ attivitajiet oħra li wieħed jista’ jagħmel permezz tat-teknoloġija, speċjalment f’dan iż-żmien li hu diffiċli għal kulħadd.