Lokali Transport Turiżmu

AIR MALTA: Illum nofs il-bdoti jistgħu jispiċċaw bla xogħol

Ritratt: Matthew Tabone
L-ALPA tikxef il-manuvri tal-management

Jekk il-management tal-Air Malta jibqa’ ma jaċċettax il-proposta tal-bdoti li jnaqqsu l-pagi tagħhom bin-nofs, illum nofs il-bdoti tal-linja nazzjonali tal-ajru jispiċċaw bla xogħol.

F’komunikat lill-media, l-assoċjazzjoni li tirrapreżenta lill-bdoti (ALPA) kixfet il-manuvri li għaddejin minn naħa tal-management hekk kif sa issa għadhom ma ħadu ebda spjegazzjoni għaliex il-proposti tagħhom qed ikunu rifjutati.

Jidher li issa l-Air Malta, kuntrarju għal dak li intqal tliet ġimgħat ilu, se taħdem fuq pjan illi huwa ibbażat fuq 4 / 5 ajruplani u mhux wieħed jew tnejn.

Xi ħaġa oħra li inbidlet, skont l-ALPA, hi li issa l-kumpanija teħtieġ 62 pilota u mhux 26 kif kien intqal oriġinarjament. Dan minn total ta’ bdoti li bħalissa jammontaw għal 108.

L-ALPA qed tibqa’ tinsisti li l-management qed juża l-pandemija bħala skuża biex itajjar l-irjus, meta l-Air Malta spiċċat mimlija b’nies fil-livell ta’ tmexxija, milli ħaddiema.

“Hemm elementi fil-management illi jridu b’intenzjoni li t-taħdidiet ifallu”, sostnew il-bdoti fl-istqarrija tagħhom.

Il-perijodu ta’ notice għall-bdoti jintemm propju llum, u l-ALPA għadha ma rċeviet ebda risposta mill-kumpanija għall-proposta li jitnaqqsu l-pagi b’50%.