Żagħżugħ t’20 sena mill-Imqabba, Lynden Fenech, miet ħabta u sabta matul il-lejl li għadda, bl-aħbar tal-mewt tiegħu tħalli lil bosta maħsuda li Lynden ħalli din id-dinja malajr wisq.
Fost dawk li waslu l-kondoljanzi tagħhom lill-ġenituri tiegħu, Mary Grace u Daniel, u lill-familjari tiegħu għat-telfa, kien hemm bosta ħbieb tiegħu li ddeskrivewh bħala żagħżugħ ta’ qalb tajba u maħbub minn bosta.
Lynden kien student fil-Kulleġġ Savio ta’ Ħad-Dingli, li wasslu l-kondoljanzi lil dawk l-aktar qrib tiegħu, u fakkru kif propju ħalla din id-dinja fil-Festa’ San Domenico Savio, patrun tal-iskola.
Flimkien magħhom ingħaqdet is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba, li fi ħdanha kien membru fil-Lily Juniors u kien jagħti s-sehem fid-diversi attivitajiet organizzati mis-Soċjetà.
L-istess l-għaqda studenteska, SDM, li ssospendiet l-attivitajiet tagħha b’rabta mal-elezzjoni għall-Presidenza tal-KSU sat-3pm bħala sinjal ta’ rispett u luttu għat-telfa ta’ wieħed mis-segwaċi tal-Għaqda.
//= $special ?>