Internazzjonali

Covid-19: Ftehim fil-Ġermanja biex jonqsu r-restrizzjonijiet għas-soċjetà

Il-Gvern tal-Ġermanja u s-sittax-il Stati federali tal-pajjiż qablu biex jestendu l-miżuri għal social distancing sal-5 ta’ Ġunju. Huma jemmnu din għandha tkun strateġija għaqlija meta l-Ġermanja għadha tissielet mal-effetti tal-coronavirus, bl-infezzjonijiet fi ħdanha qegħin ikomplu minn ġurnata għall-oħra.

Madankollu, il-Kanċiller Angela Merkel qablet biex il-ħwienet kollha tal-pajjiż   jerġgġu jinfetħu bħala parti mill-ftehim mal-mexxejja tal-Istati Ġermaniżi. Dan bil-kundizzjonijiet li n-nies li jidħlu fil-ħwienet jilbsu dejjem il-maskri tal-wiċċ filwaqt li jirrispettaw id-distanzi ta’ social distancing.

Mistenni wkoll li l-iskejjel ta’ kull età fil-Ġermanja jiftħu gradwalment – l-istess bħar-ristoranti, is-swali taċ-ċinema, il-lukandi u l-gymnasiums. Dan meta numru ta’ Stati Ġermaniżi spiċċaw anqas affettwati mill-kriżi minn Stati oħrajn.

Intant, il-kampjonat tal-futbol tal-Bundesliga, dan ix-xahar, se jkompli fejn ħalla, bil-logħob irid isir wara bibien magħluqa. Dan jindika li l-kampjonat Ġermaniż se jkun l-ewwel li jirritorna minn fost il-kampjonati ewlenin tal-Ewropa (wara l-pandemija) iżda l-osservaturi wissew li l-element ta’ sogru għadu xorta ‘sinfikanti’.

L-Istati tal-Ġermanja qablu li jieħdu d-deċiżjonijiet importanti biex il-ħajja tirritorna, bil-mod għan-normal – u fejn iridu anki jimplimentaw miżuri ta’ emerġenza f’sitwazzjonijiet fejn jaraw żidiet sinifikanti ġodda fl-infezzjonijiet. Il-Mexxejja tal-Istati ħadu responsabbiltà ‘għall-konsegwenzi tat-tneħħija tal-lockdown’, li beda jkun infurzat fis-17 ta’ Marzu.

Il-Ġermanja sofriet anqas minn 7,000 mewta f’din il-pandemija – biċ-ċifra tkun anqas sew mill-istatistika tal-mewt irreġistrata f’pajjiżi Ewropej tal-Punent (oħrajn) bħar-Renju Unit, Franza, l-Italja u l-Iżvezja.

Skont rapport mill-Istitut ta’ Koch – l-aġenzija tal-Gvern federali responsabbli mill-moniteraġġ tal-mard – il-Ġermanja, fl-aħħar sigħat, irrappurtat 947 infezzjoni ġdida, bil-każi totali jitilgħu għal madwar 165,000 fuq bażi nazzjonali. L-imwiet mill-marda żdiedu b’165 għal kważi 7,000 fil-pajjiż, waqt li sal-bieraħ kienu rkupraw 137,000.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, qed tirreferi għall-pandemija bħala l-akbar sfida għall-ħajja tal-poplu miż-żmenijiet tat-Tieni Gwerra Dinjija. Hi stqarret ukoll li pajjiżha mhux għaddej mill-aħħar fażi tal-pandemija ‘iżda jinsab fil-bidu tat-telgħa.’