Toni Bezzina, PN
Waqt id-diskors tiegħu fil-parlament, id-deputat tal-Partit Nazzjonalista Toni Bezzina għamel riferenza kemm għall-kwistjoni dwar radam ta’ materjal ta’ kostruzzjoni ta’ toroq kif wkoll direttivi li ħareġ l-operatur tat-trasport pubbliku lix-xufiera tiegħu.
Waqt kwistjoni li nqalet il-ġimgħa li għaddiet dwar rimi ta’ skart tal-kostruzzjoni, l-Aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta responsabbli mill-bini ta’ toroq f’pajjiżna, bagħtet ittra lill-kuntratturi tat-toroq biex iwaqqfu x-xogħol kollu bl-iskuża tkun li l-ERA, l-Awtorità responsabbli mir-Riżorzi u l-Ambjent, ma pprovdietx siti fejn jintrema’ materjal ta’ kostruzzjoni.
Però, meta l-Ministru Aaron Farrugia ġie mistoqsi mill-istess Deputat il-Perit Toni Bezzina il-ġimgħa l-oħra waqt is-sezzjoni fil-Parlament tal-Mistoqsijiet Parlamentari, dan ċaħad kategorikament li ma kienx hawn barrieri fejn jista jintrema’ materjal ta’ kostruzzjoni.
Ir-raġuni propja għaliex il-Ministru responsabbli mit-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali permezz tal-Aġenzija Infrastruttura Malta waqqaf x-xogħlijiet kollha tat-toroq ma kienetx għax ma kienx hawn barrieri fejn tarmi materjal ta’ kostruzzjoni, iżda għax ma riedx iħallas il-prezz tas-suq kif jagħmel kull ċittadin biex jiddisponi minn dan il-materjal.
B’hekk iddeċieda li jew jiddisponi minn dan il-materjal fil-baħar jew inkella f’ toroq li diġà kienu saru bit-tarmak bi spiża ta’ miljuni ta’ euros, fosthom f’ Triq Dicembru Tlettax fil-Marsa. Dan juri n-nuqqas ta’ ippjanar min-naha tal-Gvern meta ma kienx kapaċi jippjana l-ispejjeż neċessarji biex jiddisponi minn skart li ħoloq hu stess.
Minflok il-Gvern Laburista ħoloq pjan biex jippromwovi ir-riċiklaġġ ta’ materjal ta’ kostruzzjoni jew biex barrieri jew estensjonijiet ikollhom il-permessi neċessarji pproċessati bla dewmien żejjed, l-uniċi soluzzjonjiet li ħareġ bihom il-Gvern kienu li jew jarmi dan il-materjal li ġeneralment ikun iffurmat minn ħamrija mħallta ma’ materjal ieħor fil-baħar jew inkella fit-toroq stess.
Id-deputat Nazzjonalista għamel riferenza wkoll għall-kummenti li l-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia ta lil gazzetta lokali fejn dan qal li l-ftehim li ntlaħaq bejn l-MDA li tirrappreżenta l-parti l-kbira mis-sidien tal-barrieri li jirċievu materjal ta’ kostruzzjoni u l-Gvern wassal biex jirregola dan is-suq. Milli jidher, dan il-Ministru nesa’ li l-Ministru ta’ qablu, il-Ministru Josè Herrera, kien diġà għamel ftehim simili madwar sena ilu li kien sfaxxa fix-xejn wara ftit ġimgħat.
Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina ġibed l-attenzjoni wkoll għal ċirkulari li ħareg riċentament l-operatur tas-servizz tat-trasport pubbliku, il-Malta Public Transport. F’din iċ-ċirkulari, ix-xufiera tat-trasport pubbliku kienu mfakkra li jridu jilbsu il-maskri disposable ipprovduti mill-kumpanija stess waqt il-qadi tad-dmirijiet tagħhom u li dawn ma jistgħux jerġgħu jintlibsu ladarba jitneħħew.
F’dan ir-rigward, peress li qed tingħata maskla waħda biss kuljum lil kull xufier, il-Perit Toni Bezzina staqsa jekk il-kumpanija qediex tippretendi li xufier li jkollu shift ta’ 12-il siegħa iridx jagħmel 12-il siegħa bla ma jiekol u jixrob jekk appena jneħħi l-maskra din ma tistax terġa’ tintuża.
Fl-istess ċirkulari, inħarġet direttiva lix-xufiera biex ma jirrifjutawx passiġġiera li ma jkunux lebsin maskra, allavolja din id-direttiva tmur kontra l-istruzzjonijiet maħruġa mill-Awtorità tas-Saħħa.
Għalhekk, il-Perit Toni Bezzina staqsa jekk il-Malta Public Transport, b’din id-direttiva, hix hi stess tikser il-liġi u tmur kontra struzzjonijiet maħruġa biex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>