Coronavirus Ekonomija Lokali

FL-EQQEL TAL-KRIŻI: “Għadna ma ħadna ebda flus”

Jibqgħu konsistenti l-ilmenti ta’ ħaddiema u negozji li sal-lum, hekk kif ninsabu fid-9 ġimgħa ta’ din l-emerġenza medika, ħafna ħaddiema għadhom lanqas biss ħadu ċenteżmu mingħand il-Gvern.

Aktar ħaddiema qed jilmentaw pubblikament, anke bl-użu tal-mezzi soċjali, dwar il-fatt illi ilhom ġranet sħaħ jistennew l-għajnuna. Meta dawn l-individwi qed jikkuntatjaw lill-Malta Enterprise, ir-risposta li qed jirċievu qed tkun biex jibgħatu email.

“Ma nafux ħi meta ħerġin il-flus”, kienet waħda mit-tweġibiet.

Ħaddiema li tkellmet ma’ NET NEWS spjegat kif huma għadhom qed jistennew, filwaqt li sħabha ħadu biss parti mill-flus li semma’ l-Prim Ministru. “Jien u oħrajn għadna ma ħadna ebda flus”, qaltilna.

Affetwati wkoll il-pensjonanti u l-istudenti li għandhom xogħol, għaliex dawn mhux qed jingħataw l-għajnuna supplimentari tal-Gvern.

Hemm ukoll negozji, inkluż ħwienet żgħar, li Malta Enterprise qaltilhom biss li mhumiex eleġibbli.

Fit-tbassir tagħha dwar l-andament tal-ekonomiji Ewropej, il-Kummisjoni Ewropea qed tbassar li f’Malta d-daqqa ekonomika kaġun tal-pandemija se tkun ta’ 5.8%.