Kultura Lokali

Heritage Malta tintroduċi katalgu ta’ skulturi Greko-Rumani

Bħala parti mill-missjoni tagħha li tagħmel il-wirt kulturali aċċessibbli għall-pubbliku, Heritage Malta qiegħda tintroduċi fis-sit elettroniku tagħha, katalgu ta’ skulturi Greko-Rumani li jiffurmaw parti mill-Kollezzjoni Nazzjonali ta Malta.

Kull oġġett imsemmi fil-katalgu huwa akkumpanjat minn riċerka dettaljata ppreżentata minn Anthony Bonanno, Professur tal-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta.

Għalkemm oriġinarjament l-iskulturi Rumani kienu magħrufa għall-kopji li ħolqu ta’ biċċiet tal-arti Griegi, maż-żmien huma kkontribwew qatiegħ b’xogħolijiet mill-iprem tagħhom.

Bosta mix-xogħolijiet li ġew inklużi f’dan il-katalgu nstabu fl-1881 waqt skavi arkeoloġiċi li saru fis-sit tad-Domus Romana r-Rabat, Malta. Il-provenjenza tal-bqija mhiex magħrufa, għalkemm uħud jippuntaw lejn Għawdex.

Il-materjal ta’ dawn ix-xogħolijiet ivarja mill-ġebla tal-franka għal irħam abjad ta’ grana rozza, għal grana fina u oħra ifjen tal-irħam abjad. Kull wieħed minn dawn ix-xogħolijiet għandu l-istorja partikolari tiegħu.

Ir-ras ta’ satir, jew aħjar ċentawr, maħduma fil-franka għad għandha traċċi ta’ żebgħa kannella skur fuq il-widna kbira u ppuntata tal-lemin. L-espressjoni rrabbjata u n-natura selvaġġa ta’ din il-kreatura hi evidenti mill-ħalq miftuħ bis-snien mikxufa u mill-għajnejn miftuħa beraħ.

Hu possibbli li din ir-ras inħadmet lokalment. Din ir-ras tal-ġebel għamlet xi żmien fuq ċint ta’ razzett li kien jinsab viċin ħafna ta’ l-Għar ta’ Kalipso li jħares lejn il-Bajja l-Ħamra. Għaldaqstant dan l-oġġett faċilment oriġina mill-villa Rumana li ġiet skoperta f’din il-bajja.

Il-bust ta’ tfajla maħdum f’biċċa sħiħa ta’ rħam abjad bi grana fina ferm jingħad li juri membru tal-familja Ġulju-Klawdju, l-aktar minħabba l-wiċċ trijangolari u l-istil tax-xagħar tipiċi.

Il-bust hu meqjus bħala biċċa xogħol tal-arti mill-isbaħ u probabbilment jiddata għal 50 seklu WK. Instab fl-1881 waqt l-iskavi arkeoloġiċi li saru fis-sit tad-Domus Romana tar-Rabat, Malta.

Dawn l-iskulturi jinsabu esebiti fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija l-Belt Valletta, fil-Mużew tal-Arkeoloġija t’Għawdex fiċ-Ċittadella, u fid-Domvs Romana, ir-Rabat, Malta.

Għalkemm bħalissa, dawn il-mużewijiet huma magħluqa minħabba l-imxija tal-COVID-19, il-pubbliku huwa mistieden jara u jiskopri aktar informazzjoni interessanti dwar din il-kollezzjoni permezz ta’ din il-ħolqa https://www.heritagemalta.org/classicalsculpture