Ewropa Lokali Qorti

“Il-Gvern ma bagħtli l-ebda abbozzi proposti ta’ riformi” – Pieter Omtzigt

Ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa jappella lill-Gvern sabiex jinvolvi lill-Oppożizzjoni fir-riforma li jeħtieġ ikollha proċess miftuħ u inklussiv

Ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna, Pieter Omtzigt, appella lill-Gvern sabiex imexxi ‘l quddiem proċess ta’ riforma miftuħa u inklussiva bl-involviment tal-Oppożizzjoni.

Huwa kien qiegħed jirreaġixxi għall-aħħar żviluppi fil-proċess ta’ riforma istituzzjonali f’pajjiżna fejn fakkar fil-laqgħa, li kellu mal-Prim Ministru, Robert Abela u numru ta’ Ministri miegħu fi Frar li għadda, li fiha ftaħru li se jvaraw pakkett estensiv ta’ abbozzi proposti ta’ riformi b’mod imminenti u li se jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni Venezja.

Iżda Omtzigt qal li wara kważi 3 xhur, ma wasallu l-ebda abbozz propost ta’ riforma quddiemu iżda lmenti dwar kif il-proposti tal-Gvern qed jitmexxew ‘il quddiem mingħajr konsultazzjoni u qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni kif ukoll il-partijiet konċernati.

Huwa importanti ferm għall-Kummissjoni Venezja li r-riformi, fosthom dik tal-ħatra tal-Kummissarju l-ġdid tal-Korp tal-Pulizija, għandhom isiru wara proċess wiesa’, miftuħ u trasparenti ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà kollha, inkluż l-Oppożizzjoni.

Pieter Omtizgt temm jisħaq li l-mod kif ir-riformi proposti tħejjew u jekk jilħqux b’mod ċar ir-rekwiżiti tal-opinjoni tal-Kummissjoni Venezja mhux biss jaffettwaw il-leġittimità tal-proposti u l-qbil tal-pubbliku. iżda huwa test ta’ kredibilità internazzjonali għal pajjiżna, partikolarment għall-Prim Ministru Robert Abela.