Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop bħal ma ddikjara l-bieraħ il-Kunisill Lokali ta’ Ħal-Safi qal li b’mod unanimu, li ma jaqbilx li tinbena Dar tal-Anzjani fiż-żona magħrufa bħala l-Għadir. Dan wara applikazzjoni li saret għal żvilupp ta’ din id-Dar fi Triq San Ġwann, Ħal Kirkop.
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop qal li b’mod unanimu ma qabilx li jsir dan il-proġett f’post li huwa mmarkat f’area ODZ. Qal li skont il-pjanti l-post jinsab ukoll fil-konfrini ta’ Ħal Safi u ż-Zurrieq.
Huwa għamilha ċara li mhux kontra li tinbena dar tal-anzjani fl-inħawi tar-raħal però saħaq li ma għandhiex tinbena fis-sit propost peress li din iż-żona tinsab ‘il barra miż-żona ta’ żvilupp.
Il-Kunsill Lokali qal li jaqbel li m’għandu jsir ebda tip ta’ żvilupp f’din iż-żona li hija l-unika żona li qed tifred l-irħula ta’ Ħal Kirkop, Żurrieq u Ħal Safi minn ma’ xulxin.
Il-Kunsill Koppin qal li skont il-pjanti d-Dar tal-Anzjani hija proġettata li jkollha 129 kamra. Qal li wkoll li jekk tinbena din id-dar fejn huwa propost il-lokalità se tintlaqat minn impatt negattiv. Minbarra l-fatt li din l-art hija mmarkata għal skop agrikolu, u li hija l-pulmun tat-tliet lokalitajiet imsemmija, wieħed irid iħares lejn is-sigurtà tal-inħawi.
Dan peress li fl-istess triq hemm żewġ skejjel reġjonali u supermarket ewlieni. Wieħed irid jara wkoll l-impatt ta’ servizzi essenzjali, l-aktar fejn tidħol infrastruttura eżistenti ta’ servizzi essenzjali, bħal drenaġġ, żieda fit-traffiku, parkeġġ u bosta servizzi essenzjali oħra.
Il-Kunsill ta’ Ħal Kirkop qal li jekk dawn l-inħawi jiġu żviluppati l-impatt negattiv se jkun wieħed enorni u negattiv. Għaldaqstant qal l-istess Kunsill huwa qed jaqbel mal-Kunsilli ta’ Ħal Safi u ż-Zurrieq biex dan il-proġett ma jsirx u dan biex jiġu salvagwardjati l-interessi taċ-ċittadini tat-tliet lokalitajiet.
Il-Kunsill qal ukoll li filwaqt li jixtiequ jiringrazzjaw lil diversi entitajiet li qegħdin joġġezzjonaw għal dan l-iżvilupp għal ġid taċ-ċittadini, qegħdin iħeġġu wkoll lil lokalitajiet tal-Qrendi u l-Imqabba biex jingħaqdu magħhom u jagħtu s-sostenn meħtieġ.
Fid-dawl ta’ dan kollu l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop qal li għandu għal qalbu l-anzjani tar-raħal li huwa jirrappreżenta. Qal ukoll li jemmen bis-sħiħ li dawn l-anzjani għandu jkollhom jkollhom post fejn imorru joqgħodu meta ma jkunux jistgħu jgħixu aktar fi djarhom.
Il-Kunsill qal li jemmen ukoll li dawn għandu jkollhom il-faċilitajiet fil-lokalità jew fil-madwar sabiex jibqgħu jgħixu fil-kommunità tagħhom u li trabbew fiha. Madankollu dan għandu jkun f’inħawi li jħalli ebda mpatt negattiv fuq ir-raħal.
//= $special ?>