Il-Ministru tal-Ġustizzja għandu dmir u obbligu morali u legali li jagħti spjegazzjoni immedjata. Dan wara li kien svelat illi avukat mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali f’inqas minn 19-il siegħa għadda biex beda, minn dalghodu, jidher għal Yorgen Fenech f’kawza kostituzzjonali li Fenech fetaħ kontra l-istess Avukat Ġenerali.
It-Times fil-fatt identifikat lill-avukat Charles Marcieca bħala l-avukat li qed jidher għall-imprenditur Yorgen Fenech.
Il-PN spjega li dan il-pass jindika kif f’inqas minn 19-il siegħa avukat fl-Ufficju tal-Avukat Generali irrizenja, ħallas in-notice period u beda jidher għal persuna li tinsab akkuzata bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fl-istqarrija maħruġa mid-deputat Jason Azzopardi, il-PN insista li l-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis għandu jagħti s-serħan tal-moħħ dwar meta beda l-kuntatt bejn dan l-avukat u l-klijent ġdid tiegħu, u jispjega kif dan tħalla jiġri.
L-Oppozizzjoni tistenna li l-Ministru Zammit Lewis jgħid ċar u tond x’passi qed jieħu.

Il-PN qal li l-Ministru għall-Ġustizzja ghandu responsabbilita jiddikjara x’mizuri ħa biex l-aċċess li l-avukat Mercieca seta’ kellu ghall-inkartament, provi, dokumenti u xhieda kunfidenzjali fil-każ dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia li jinsabu fl-Ufficju tal-Avukat Ġenerali ma jissarfux f’dannu irreparabbli ghall-proċess tal-Ġustizzja f’dan il-każ.
