Fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 twaqqfet website ġdida biex tiffaċilità x-xogħol fejn jidħlu każijiet poendenti u avviżi legali. L-indirizz ta’ dan il-portal ġdid dwar il-leġiżlazzjoni huwa www.legislation.mt.
Il-portal huwa disponibbli għall-użu mill-pubbliku, mill-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll dawk kollha li jaħdmu fil-professjoni legali. Dan il-portal se jkun amministrat mit-Taqsima Leġiżlattiva fi ħdan l-Uffiċju tal-Avukat tal-Istat, u qed jieħu post il-website ta’ qabel, justiceservices, li sejra titwaqqaf fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-website il-ġdida tinkludi għadd ta’ karatteristiċi moderni u ġodda, fosthom l-ippubblikar online ta’ Liġijiet Konsolidati, Atti Legali, Avviżi Legali, u Bye Laws b’mod modern, waqt li hija aċċessibbli minn kwalunkwe tip ta’ apparat.
Bħalissa għaddej b’xogħol biex jiddiġitalizza s-sistema tal-Qrati ta’ Malta. Riċentement, issaħħet il-website eCourts.gov.mt, b’investiment ta’ kważi nofs miljun ewro, ko-finanzjat minn fondi Ewropej.
L-għan prinċipali huwa li dan se jservi ta’ one-stop shop, kemm għaċ-ċittadin, kif ukoll għal dawk kollha fil-professjoni legali. Fost għadd ta’ servizzi diġà eżistenti, wieħed jista’ jħallas il-multi pendenti mal-Qorti, kif ukoll jirċievi notifikazzjonijiet permezz tal-mobile.
Ġew ukoll aġġornati u mmodernizzati il-kompjuters tal-Qorti u ssaħħet ukoll in-network, hekk kif ġie mgħoddi iktar minn 120,000 metru ta’ wiring b’investiment ta’ €600,000.
//= $special ?>

