Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali Saħħa

In-nies jibqgħu kawti

Hekk kif issa dħalna fit-tielet ġurnata minn mindu stabilimenti kummerċjali u ċerti ħwienet reġgħu fetħu l-bibien tagħhom, xorta jidher li ħafna ħwienet qed jagħżlu li jibqgħu magħluqin.

Dan juri li n-nies qed ikunu kawti ħafna fil-mod kif joħorġu, fejn huma ħafna dawk li qed joħorġu biss biex jixtru l-affarijiet essenzjali fosthom ikel u mediċina. Aktar u aktar wara li din il-ġimgħa kienet immarkata minn fatalità oħra f’pajjiżna kawża tal-COVID-19.

Il-ħwienet li reġgħu fethu mit-Tnejn li għadda jinkludu dawk tal-ħwejjeġ u taż-żraben, il-ġojjeleriji, tal-fjuri, banek tal-lottu, ħwienet tas-souvenirs, u tal-għamara fost l-oħrajn. Fetħu wkoll il-garaxxijiet tal-VRT … b’direttivi ta’ prekawzjonijiet mill-Awotirità tas-Saħħa Pubblika, fosthom l-obbligu li tintlibes maskra u li jkun hemm sanitisers biex kull min jidħol fil-ħwienet inaddaf idejh.

Jidher li l-maġġornaza tal-istabbilimenti kummerċjali fil-Belt Valletta u f’Tas-Sliema qed ikunu prattikament vojta, fejn saħansitra ċerti ħwienet iddeċidew biex ma jiftħux il-bibien tagħhom.

Diversi sidien ta’ ħwienet  li tkellmu magħna esprimew t-tħassib tagħhom li issa żdidulhom l-ispejjeż. Dan għaliex iridu jibdew jergħu jdaħħlu lill-ħaddiema meta l-introjtu tagħhom huwa wieħed vera baxx.