Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

“Irridu naħdmu lkoll flimkien biex nevitaw kriżi umanitarja bl-immigrazzjoni” – Adrian Delia

L-immigrazzjoni hija sfida ewlenija tal-Unjoni Ewropea, Malta ma tistax titħalla waħedha

“Irridu nkunu ġusti ma dawk li jitolbu l-protezzjoni, sodi ma dawk li mhux eliġibbli għall-ażil u ħorox mat-traffikanti kollha li jridu jirkbu fuq it-tbatijiet ta’ persuni vulnerabbli. L-immigrazzjoni hija sfida ewlenija li kollha għandna bħala Unjoni Ewropea, Malta ma tistax titħalla waħedha quddiem l-isfida kbira. Irridu naħdmu flimkien biex nevitaw kriżi umanitarja.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li sar bil-video conferencing.

Adrian Delia għamel referenza għad-dokument dwar l-immigrazzjoni fil-Mediterran, li sar mill-Membru Parlamentari Ewropew tal-PN Roberta Metsola. Id-dokument qed jitlob lill-gvernijiet biex jimbottaw ‘il quddiem riformi. Huwa qal li l-immigrazzjoni hija sfida ewlenija, hemm soluzzjonijiet u lkoll għandna bżonn li nimbuttawhom biex ma nibqgħux ċassi quddiem kriżi umanitarja. Dr Delia saħaq mal-mexxeja tal-pajjiżi Ewropej fuq l-importanza li dan id-dokument jidħol fis-seħħ u li nkunu magħqudin f’direzzjoni waħda; ġusti ma’ dawk li għandhom bżonn protezzjoni, sodi ma’ dawk li mhumiex eliġibbli u ħarxa mat-traffikanti li jisfruttaw il-vulnerabbli.

Maul dan is-summit, li fih ħadu sehem 40 mexxejja ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropa, ddiskuta s-sħubija tal-Albanija u l-Maċedonja ta’ Fuq fl-Unjoni. L-immigrazzjoni fil-Balkani tal-Punent, il-pressjoni li din qed toħloq u l-ħtieġa ta’ azzjoni mill-Unjoni Ewropea ġew ukoll diskussi.

Dwar dawn iż-żewġ pajjiżi kien hemm qbil għas-shubija tagħhom minn għadd ta’ mexxejja fill-PPE, inkluż Dr Delia, għax l-Ewropa ma tistax tkun kompluta mingħajr is-sehem tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, iżda l-pandemija m’għandhix twarrab il-ħtiġijiet ta’ riformi fil-Balkani li ewlenin fosthom huma d-demokrazija u s-saltna tad-dritt.

Il-kriżi bl-imxija tal-COVID-19 u l-elementi ta’ fake news assocjat magħha kienu wkoll diskussi fis-summit, u kif dal-fake news jistgħu jiġu miġġielda biss b’koperazzjoni u solidarjetà bejn kulħadd. Adrian Delia qal li l-pandemija u l-imxija tal-virus fl-Ewropa, m’għandhix isservi bħala skuża biex titkasbar id-demokrazija u tiġi mwarrba s-saltna tad-dritt.