Coronavirus Lokali Turiżmu

“Is-settur mhux se jirkupra mil-lum għal għada”

Is-settur Turistiku huwa wieħed mill-aktar setturi milquta minħabba t-tixrid tal-Coronavirus. Matul intervista li saret waqt il-programm Net Live ma’ Andy Tanti, direttur ta’ lukanda f’Tas-Sliema ħareġ aktar fiċ-ċar l-impatt li din il-pandemija ħalliet fuq dan is-settur fejn anki spjega t-triq la darba jiftaħ l-ajruport.

Mistoqsi dwar il-fatt li l-Awtoritajiet jistgħu jiddeċiedu li l-lukandi jerġgħu jibdew joperaw qabel ma eventwalment jiftaħ l-ajruport, huwa qal li dan xorta ma jkunx vijabbli.

Huwa qal li n-norma li ssoltu konna naraw fil-lukandi se ndumu biex nerġgħu narawha. Intqal li ċertu spejjeż għal-lukandi xorta baqgħu għalkemm il-lukanda tinsab magħluqa.

Intant f’konferenza tal-aħbarjiet li saret it-Tlieta l-PN sostna li jeħtieġ pjan strutturat u fit-tul għas-settur tat-turiżmu li fil-preżent jinsab wieqaf.

Il-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo tenna li issa jmiss li l-Gvern jagħti lura lil dan is-settur li tant ta u ġab investiment fl-ekonomija fl-aħħar snin.  Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista ilu mill-bidu tal-kriżi jressaq proposti konkreti biex jgħin is-setturi kollha tal-ekonomija li qegħdin jintlaqtu.