Coronavirus Ekonomija Lokali

“It-talbiet għadhom qed jiġu proċessati”

Il-Ministru tal-Edukazzjoni jammetti li l-Iskejjel tal-Ingliż bħala lingwa barranija għadhom ma rċivewx l-għajnuna tal-Gvern ħabba dewmien fl-ipproċessar tat-talbiet

L-istqarrija li ħarġet il-UPE Voice of the Workers, dwar kif l-iskejjel tal-Ingliż bħala lingwa barranija għadhom mingħajr il-COVID-19 wage supplement, ġiet ikkonfermata mill-Ministru tal-Edukazzjoni, Owen Bonnici, f’konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa filgħodu.

Mistoqsi minn NET News dwar ir-raġuni għala dawn l-iskejjel, tħallew għal rieħhom u għadhom mingħajr l-għajnuna wara kważi xahrejn mit-tnedija tal-iskema, Owen Bonnici attribwixxa dan għad-dewmien fl-ipproċessar tat-talbiet mill-Malta Enterprise:

Ilbieraħ, wara li l-istqarrija li ħarġet il-UPE li titkellem dwar każ partikolari, jien ikkomunikajt mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise. Irringrazzjajtu tax-xogħol li qed jagħmel u jiena naf li ħa l-attenzjoni meħtieġa sabiex kwalunkwe applikazzjonijiet pendenti kemm jista’ jkun jiġu pproċessati b’mod tajjeb u mexxej.”

B’rabta ma’ dan il-każ, il-UPE stqarret kif membru minn tagħha, li jbati mill-kanċer, u għalhekk huwa vulnerabbli, ilmenta mal-Union li kellu joħroġ jaħdem għaliex ma rċiviex l-għajnuna tal-Gvern.

F’din il-kriżi pandemika, Owen Bonnici kompla jitfa inċertezza bla bżonn bejn il-partijiet kollha fis-settur edukattiv hekk kif bil-kummenti tiegħu fil-midja soċjali kompla juri kif m’għandux għarfien dwar kif jimxu l-affarijiet.

Dan wara li fuq il-paġna soċjali tiegħu, f’post li għamel dwar iċ-ċirkulari maħruġa mill-Ministeru tiegħu b’rabta mal-qbil tat-TaskForce Edukattiv għal żmien il-COVID-19, huwa żied rekwiżiti addizzjonali għall-għalliema , li ma kienx maqbula fit-taskforce.

Din il-post ġabet l-istmerrija ta’ bosta għalliema li lmentaw kif il-Ministru jrid jindaħħlilhom fil-mod li bih joffru l-lezzjonijiet lill-istudenti.

Jiena nemmen li kwalunkwe nuqqas ta’ ftehim ġie indirizzat u ġie riżolt. Kollox iħoll u jorbot ma’ kumment li għamilt fuq il-midja soċjali. (…) U jekk b’xi mod inftehimt mod ieħor, jien żgur ma kinitx l-intenzjoni li ninftiehem hekk.”

L-MUT minn naħa tagħha fi stqarrija avżat lill-għalliema sabiex jinjoraw il-kummenti tal-Ministri, li ma jirriflettux dak li ġie maqbul fit-taskforce, għaliex l-għalliema, li huma edukaturi professjonali, m’għandhomx bżonn lezzjonijiet mill-midja soċjali fuq kif jaħdmu.