It-tmexxija tal-Formula 1 għamlet l-aħħar offerta lit-timijiet biex ibaxxu l-ispejjeż tagħhom minn madwar €134 miljun għal madwar €120 miljun matul it-tliet snin li ġejjin. Din il-proposta hi parti minn bidliet li għandhom il-mira li jindirizzaw l-impatt finanzjarju tal-coronavirus. L-ittra ntbagħtet mid-Direttur Maniġerjali tal-Formula 1 Ross Brawn.
Il-proposta tal-Formula 1 hi li l-infiq is-sena d-dieħla jkun ta’ madwar €134 miljun, jonqos għal kważi €130 miljun fl-2022 u jinżel għal madwar €120 miljun bejn l-2023 u l-2025. It-timijiet se jkunu qed jagħmlu evalwazzjoni tal-proposta fil-jiem li ġejjin qabel jieħdu vot.
Il-proposti qed jittieħdu bħala l-aħħar sottomissjoni wara ġimgħat ta’ negozjati li fihom ma ntlaħaqx ftehim. Fost il-proposti hemm li jinkludu tipi ta’ konċessjonijiet għal riċerka fuq l-aerodynamics skont is-suċċess tat-tim u kumpens għat-timijiet li jirriċerkaw u jiżviluppaw partijiet li jinbiegħu lill-klijenti.
Wara li l-Formula 1 tisma’ l-opinjonijiet tat-timijiet tittieħed id-deċiżjoni finali. Għadu mhux magħruf jekk ikunx hemm bżonn laqgħa mal-kapijiet tat-timijiet mal-President tal-FIA Jean Todt, iċ-chairman tal-Formula 1 Chase Carey u d-Direttur Maniġerjali Ross Brawn, jew sempliċiment vot fuq il-proposti.
//= $special ?>