Lokali Parlament Turiżmu

L-ebda miżuri ġodda mill-Gvern biex jittaffu l-problemi fis-settur tat-Turiżmu

Mill-ġdid smajna r-rettorika li l-Gvern għamel biżejjed

Il-Gvern permezz tal-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia, infexx mill-ġdid jlissen ir-rettorika li għamel biżżejjed f’dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri biex jitnaqqas l-impatt li l-Coronavirus qed tħalli fuq is-settur turistiku speċjalment fuq il-vjaġġi tal-ajru li kellhom isiru fl-aħħar xahrejn.

Mistoqsija Parlamentari li saret mid-Deputat Nazzjonalista Chris Said ħarġet dan il-fatt fejn fost l-oħrajn talab biex jara jekk hemmx miżuri ġodda li permezz tagħhom jinżamm bilanċ bejn l-interessi u d-drittijiet kollha milquta. Dwar din tal-aħħar ma saret l-ebda tweġiba konkreta.

Fit-tweġiba tagħha Julia Farrugia Portelli qalet li sa issa d-direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-Pakkett tal-Ivvjaġġar (Direttiva 2015/2032) ma kinitx intiża sabiex tindirizza sitwazzjoni simili għal dik li kkawżat il-Covid-19.

Hija qalet li fuq livell nazzjonali għadhom qed jikkonsultaw biex jindirizzaw din il-problema… kważi xahrejn wara li din l-imxija ilha tħalli impatt fuq is-settur Turistiku, inkluż dak tal-vjaġġi.

Il-Ministru Farrugia rritornat għar-ripetizzjoni li issa drajniha, li l-Gvern diġà qed jagħti l-inċentivi finanzjarji, madanakollu dawn l-istess inċentivi li l-Gvern ilu tant jiftaħar bihom għadhom ma waslux għand il-ħaddiema kollha li huma intitolati għal dawn il-fondi.