Internazzjonali

L-Istati Uniti taħseb biex ixxolji t-task force għall-Covid-19

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ikkonferma li t-task force tal-White House li qed jindiriza l-coronavirus jinsab qrib li jxolji. Dan waqt li l-Viċi-President Amerikan, Mike Pence, sostna li t-task force inkwistjoni jista’ jitwarrab fi kwistjoni ta’ ġimgħat.

Meta kien qed iżur fabbrika tal-manifattura fil-belt ta’ Phoenix (f’Arizona) Trump qal li ‘l-Amerikani qegħdin jingħataw lura pajjiżhom’.

Madankollu, jibqa’ il-fatt li l-Istati Uniti, illum, qed tirreġistra medja ta’ 20,000 infezzjoni kuljum mill-coronavirus, bl-imwiet għal kull ġurnata qegħdin jaqbżu l-1,000.

Dan waqt li l-uffiċjali tas-saħħa Amerikani qed iwissu li l-coronavirus kapaċi jinfirex aktar, filwaqt li n-negozji u l-istabbilimenti jibdew jiftħu mill-ġdid.

L-Istati Uniti, illum, għandha 1.2 miljun infezzjoni konfermata mill-coronavirus u aktar minn 70,000 mewta relatata. Dan skont il-Johns Hopkins University ta’ Baltimore, f’Maryland, li qed jissorvelja u jevalwa l-impatt tal-pandemija.