Lokali Parlament

Ir-rata ta’ fertilità fil-popolazzjoni Maltija dejjem nieżla meta mqabbla ma’ dik fl-Ewropa


Maria Deguara, PN

Id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara qalet fil-parlament li jirriżulta xjentifikament li r-rata ta’ fertilità fil-popolazzjoni Maltija dejjem nieżla’ meta mqabla ma dik tal-pajjiżi oħra Ewropej.

Faċli li mingħajr ma nindunaw waqt li qed niddiskutu l-estimi u infieq tal-Awtorità nillimitaw ruħna nitkellmu fuq ċifri, salarji u spejjeż u infieq ieħor relatat mal-ħidma ta’ din l-Awtorità u ninsew illi wara dawn iċ-ċifri hemm numru ta’ koppji u familji jew individwi li jirrikorru għand din l-Awtorità għal raġunijiet purament umani u soċjal.

Jeżistu numru kbir ta’ persuni illi minħabba ċirkustanzi, fosthom uħud relatati bħal dawk ta’ saħħa isibuha diffiċili li jikonċepaw u jkollhom familja bħall-parti l-kbira tal-familji Maltin. Faċli ninsew għalhekk il-ġid kbir li l-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tal-embrijun ġabet magħha.

Skond l-istatistika uffiċjali pubblikata fir-rapport State of Health in the EU, fil-kapitlu li jitkellem dwar pajjiżna, bit-titolu Malta Country Health Profile 2019 hemm dikjarat xjentifikament li instab li r-rata ta’ fertilità fil-popolazzjoni Maltija dejjem nieżla’ meta mqabla ma dik tal-pajjiżi oħra Ewropej.

Dan it-tnaqqis ħa xejra allarmanti f’dawn l-aħħar snin li wasslu għal qabża fil-kwalità tal-għajxien tal-poplu. Sa 30 sena ilu l-poplu Malti kellu rata ta’ fertilità fost l-ogħla fl-Ewropa. Mhux qed nirreferi għal familji tipiċi Maltin ta’ 65 sena ilu meta familja b’10 itfal kienet ħaġa mil-aktar komuni.

Fil-2019 giet ikkomfermat li r-rata ta’ fertilità tal-poplu Malti ħadet tisbita l-isfel u presenament hija l-aktar waħda baxxa fost il-pajjiżi tal-Ewropa. Fil-fatt rrapurtata fil-livell ta’ 1.3 jiġifieri 0.3 inqas mil-livel medju tal-UE li qiegħed 1.6.

Id-deputat Nazzjonalista qalet din ir-rata baxxa ta’ fertilità fostna, wasslet għal bżonn urġenti li fis-sena 2012 ġie introdott il-proċess tal-IVF. Aktar riċenti, fis-sena li għaddiet il-parlament Malti daħħal il-Liġi għall-Protezzjoni tal-Embrijun biex tirregola dan is-settur.

Dan wassal ukoll għal ħtieġa li titwaqqaf Awtorità li qiegħda bħala reġolatur. Dan is-servizz tal-IVF jingħata mingħajr ħlas lil kull min hu intitolat għalih. Dan is-servizz kien ta’ benefiċċju kbir għal ħafna nies. Hi ħasra li minħabba ċ-ċirkostanzi preżenti tal-Covid kellu temporarjament jitwaqqaf.

Din ir-rata baxxa ta’ fertilità tolqot bl-istess mod sew l-irġiel u ukoll lin-nisa. Dawn ir-rati baxxi ifissru li aktar ma jgħaddi żmien Malta aktar se tkompli tiddependi fuq l-importazzjoni ta’ ħaddiema u professjonisti minn barra xtutna bil-konsegwenzi kollha li tkabbir fil-popolazzjoni jġib miegħu.
Biżżejjed niftakru l-invażjoni ta’ kulturi, drawwiet u reliġjonijiet li dawn waslu ġewwa xtutna bil-konsegwenzi li ġabu fuq it-tessut u l-kultura tal-gżejjer tagħna. Digà qed naraw dan iseħħ sew fl-industrija tal-kostruzzjoni kif ukoll fis-settur tas-saħħa.

L-infertilità hi riżultat ta’ numru ta’ fatturi li l-maġġoranza tagħhom jistgħu jiġu modifikati u saħansitra evitati.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li ż-żieda drastika fil-promiswiktà f’pajjiżna dawn l-aħħar snin wasslet u tispjega l-għaliex Malta qiegħda tiġi rapportata bħala l-pajjiż li għandu l-ogħla rata ta’ tqala fi tfajliet żgħar.

Skond il-GU Clinic li l-istatistika uffiċjali tagħha, hi limitata biss għall-persuni li jattendu hemm, sabet li l-inċidenza ta’ mard li jittieħed mis-sess bħal gonorrhea, syphilis, chlamidia HPV u HIV ogħla ħafna.

Fl-2017 Malta kellha l-ogħola rata tal-HIV per capita fost il-pajjizi tal-Ewropa u l-mard li jittieħed mis-sess ogħla kważi 50% iżjed milli kien 2008.

Minkejja din il-qabża drammatika u din iż-żieda qawwija f’dan it-tip ta’ mard, l-istatistika turi 75% tal-persuni attivi fis-sess ma jużaw l-ebda protezzjoni.

Sfortunatament dan in-nuqqas ta’ protezzjoni kontra mard trasmess mis-sess prevalenti wkoll f’persuni li attendew għal edukazzjoni terzjarja. L-esperti f’dan il-qasam konvinti li din iż-żieda qawwija f’dan it-tip ta’ mard hija riżultat primarjament tan-numru kbir ta’ studenti barranin, l-aktar żgħażagħ li jiġu f’pajjiżna fis-sajf biex suppost jistudjaw u li ħafna minnhom iqisuha bħala xalata ‘l bogħod mill-kontroll tal-ġenituri tagħhom.

Maria Deguara kompliet li l-età ta’ dawk li jmorru l-GU Clinic tvarja l-iżjed bejn 18 u 25 sena u ġejjin minn madwar 100 nazzjonalità differenti għalkemm irridu nammettu li l-maġġoranza tagħhom huma Maltin.

L-aħħar statistika fuq il-popolazzjoni tan-nisa turi li fost il-181,997 nisa Maltin, dawk li huma l-fuq minn 15-il sena qiegħdin fir-riskju li jimirdu bl-HPV. Il-mard li jittieħed mis-sess jista’ iżjed tard fil-ħajja, iwassal u jikkawża infertilità sekondarja kemm fin-nisa u anki fl-irġiel.

Għalhekk l-importanza ta’ edukazzjoni sesswali minn kmieni li tkun ċara u li jifhmuha it-tfal u żgħażagħ. Fl-2019, 30 tfajla Maltija li kienu jattendu l-iskola sekondarja ħarġu tqal u minn dawn kien hemm tlieta taħt l-14-il sena.

Kważi ħadd minnhom ma kompla l-iskola. Għalhekk l-importanza li ninvestu iżjed fl-edukazzjoni sesswali biex innaqqsu tqaliet mhux ippjanati u mhux inqas, innaqsu l-mard li jiġi trasmess sesswalment. B’hekk indirettament inkunu qed innaqqsu l-persentaġġi ta’ infertilità sekondarja.

Raġuni oħra taż-żieda ta’ l-infertilità huwa l-fatt li ħafna minn nisa Maltin jkomplu l-istudji tagħhom sal-livell terzjarju u anki post terzjarju sakemm jiggradwaw fil-professjoni li jixtiequ. Nifhem li wara tant studju, tbatija u qtigħ ta’ qalb dawn in-nisa jkunu jixtiequ jaħdmu fil-professjoni tagħhom li jħossu li tagħtihom sodisfazzjon kbir.

Bħal maġġoranza tal-koppji żgħar, meta jiżżewġu jidħlu għal piżijiet kbar u allura l-mara ma tistax tippermetti li toħroġ tqila għaliex dan ifisser li d-dħul tal-koppja ser jonqos b’mod sostanzjali.

Dawn huma ftit mir-raġunijiet li n-nisa tal-lum jippruvaw jipposponu għal iżjed tard biex jibdew familja. B’daqshekk ma hemm xejn ħażin, però l-koppji jriedu jkunu jafu li n-natura ma nistgħux inbidluha. Wara 35 sena il-fertilità fil-mara taqa’ sinifikament għax jonqos il-numru u s-saħħa tal-bajd, jiżdiedu iżjed iċ-ċansijiet ta’ korrimenti u jiżdied iżjed il-probabilità ta’ diżabbilitajiet fit-trabi.

Għalhekk importanti li nsiebu bilanċ bejn il-professjoni u l-familja jekk ma rridux nispiċċaw niffaċċjaw il-problema ta’ infertilità li tasal fuqna qabel ma nindunaw jew li nindunaw meta jkun tard wisq, għax iż-żmien ittir mar-riħ.

L-istil ta’ ħajja li qed ngħixu, ukoll ma tantx jgħin. Illum il-biċċa l-kbira tax-xogħol huwa sedentarju b’riżultat li f’Malta illum għandna problema kbira tal-obeżità kemm fiż-żgħar u kif ukoll fil-kbar. Ilħaqna rekord ieħor u ma hux rekord li niftaħru biegħ. Il-Maltin speċjalment l-adolexxenti huma l-aktar obeżi fl-Europa.

L-obeżità ħafna drabi hi assoċjata mad-dijabete bil-komplikazzjonijiet tagħha. Naqas ukoll ħafna l-eżerċizju fiżiku tant nċessarju għal ħajja sana. Il-ħajja soċjali ħolqot vizzji ġodda apparti dawk li kienu diġà eżistenti, bħal l-alkoħol, tipjip u l-użu ta’ sustanzi dipendenti naturali u dawk magħmulha mil-bniedem bħal ħaxixa, eroina u oħrajn.

L-użu qawwi tal-pestiċidi li kienu sa żmien riċenti ħafna jintużaw mingħajr kontroll, anzi jintużaw b’mod indiskriminat huma ssuspettati li kkontribew għal nuqqas fir-rata ta’ fertilità. L-istess jista’ jingħad għal inkwinament tal-ambjient u tal-arja ta’ madwarna. Il-problema tal-pestiċidi illum tidher li qed tiġi ikkontrollata u regolarizzata waqt li fejn jidħol l-ambjent għad baqalna x’naqdfu mhux ftit.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li dawn il-fatturi kollha li nistgħu faċilment nirranġawhom, jistgħu jwasslu għal infertilità kemm fin-nisa u kemm fl-irġiel jew għal tqala li ma tkunx b’saħħita. Importanti li nżidu u nintensifikaw il-kampanji edukattivi sa minn età tenera tat-tfulija u jibqgħu sejrin sa żmien l-anzjanità attiva fuq kif għandna nieħdu ħsieb saħħitna tul ħajjietna, infehmu n-neċessità ta’ ikel bnin u nippromwovu dieti Mediterranji kif kienu jieklu l-antenati tagħna u nagħmlu eżerċizzji regolari. Tlett affarijiet tant bżonnjużi biex nevitaw mard kroniku u anke infertilità.

L-istess irridu niftakru li ħafna każijiet ta’ infertilità huma ikkawżati min-naħa tal-irgiel li jew ikollhom numru baxx ta’ sperma, sperma b’motilità fqira u mhux b’saħħitha jew każijiet oħra ta’ ażospermja.

Maria Deguara kompliet li hemm ħafna fatturi li jwasslu għal infertilità primarja u sekondarja fin-nisa jew fl-irġiel u li ħafna minnhom jistgħu jiġu evitati però kienet x’kienet ir-raġuni tal-infertilità aħna fid-dover li ngħinu lil dawk il-persuni li għandhom bżonn għajnuna biex jibdew familja għax dan hu dritt tagħhom.

Hu għalhekk li ġewwa dan il-parlament fl-2012 beda jiġi regolizzat il-proċess tal-IVF u minn dak inhar qbajna nsaħħu l-liġijiet u nħolqot awtorità li tissalvagwardja kemm lill-ommijiet li jitolbu l-għajnuna biex joħorġu tqal u kemm l-embrijuni li huma tant vulnerabli sa mil-mument tal-konċepiment.

L-istatistika turina li iżjed ma’ jgħaddi ż-żmien iżjed qed nistennew li f’Malta l-persentaġġ ta’ infertilità ikompli jikber. Għalhekk l-Awtorità tal-Protezzjoni tal-Embrijun għandha tagħmel pjan fit-tul u tikkalkula x’finanzi ħa jkollha bżonn biex matul iż-żmien tkun tista’ tlaħħaq mad-domanda li mistennija tkompli tikber. Għandha ssaħħaħ is-servizzi u tkompli tgħolli u ttejjeb u tifrex is-servizzi li diġa’ tipprovdi.

Il-multidisciplary team li jaħdem f’dan il-qasam għandu jingħata ċ-ċans li jkollu opportunità li jkompli jiżviluppa akkademikament. Ikun għaqli li l-Awtorità tattira lejn pajjiżna aktar professjonisti u anke li żżomm ruħha konxja ta’ modelitajiet ta’ trattamenti innovattivi li ta’ kuljum isiru fuq dan il-proċess biex jiġu introdotti lokalment. Hekk biss nistgħu naspiraw li l-IVF f’pajjiżna ikun iħabbatha mal-aħjar ċentri fl-Ewropa.

Hemm suspett li x-xjenza qed twassal biex tagħti sens ta’ sigurtà falza. Ħafna saru jemmnu li ma hemmx bżonn nieħdu prekawzjonijiet favur saħħitna għax il-mediċina kapaċi toffri rimedju għal kollox anke fejn tidħol l-infertilità.

Il-Covid-19 minkejja l-ħsara kbira li għamlet fuq il-finanzi tal-pajjiż u fuq il-mod ta’ kif ngħixu almenu serviet biex ixxejjen dan it-twemmin falz. Irridu inkunu aħna u aħna biss li finalment inkunu risponsabbli għal saħħitna. Din kienet u tibqa’ l-aktar ħaġa prezzjuża li kull wieħed u waħda minnha għandu, sostniet id-deputat Nazzjonalista.