Ir-rekwiżiti addizzjonali magħmula mill-Ministru tal-Edukazzjoni dwar kif il-lezzjonijiet għandhom ikunu strutturati għandhom jiġu injorati peress li ma jirriflettux dak li ġie miftiehem mill-grupp ta’ ħidma.
L-edukaturi huma professjonisti u m’għandhomx bżonn lezzjonijiet mill-midja soċjali dwar kif jistgħu jagħmlu xogħolhom. Dan ħareġ minn stqarrija tal-Malta Union of Teacher (MUT) li kienet qed tirreferi għaċ-ċirkolari “Niżviluppaw tagħlim onlajn u tagħlim ieħor” maħruġ mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol wara numru ta’ laqgħat mal-Grupp ta’ Ħidma mwaqqaf wara l-għeluq ta’ l-iskejjel.
L-MUT qed tappella lill-edukaturi biex jaqraw il-kontenut taċ-ċirkulari u jinjoraw il-kummenti li jsiru fil-midja soċjali, inklużi dawk mill-Ministru Owen Bonnici.
Iċ-ċirkulari tgħid b’mod espliċitu li l-iskema ta’ xogħol u r-rekord ta’ xogħol li għandhom jintbagħtu għandhom ikunu fil-format li l-edukaturi dejjem użaw, adattati biss għaċ-ċirkostanzi preżenti u jindikaw il-mezz online użat.
Żewġ skemi ta’ xogħol u żewġ rekords ta’ xogħol iridu jsiru, għal Mejju u Ġunju rispettivament. Għaldaqstant ir-rekwiżiti addizzjonali magħmula mill-Ministru dwar kif il-lezzjonijiet għandhom ikunu strutturati għandhom jiġu injorati totalment.
L-MUT qalet li għandha tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha fil-grupp ta’ ħidma rispettiv jekk dan ix-xogħol ikun injorat.
//= $special ?>