Festi Kultura Lokali

Se jingħata permess jinħaraq in-nar tal-festi

Sar magħruf illi din is-sena, minħabba l-effetti tal-pandemija, se jingħata permess limitat biex jinħaraq xogħol pirotekniku fil-jiem li normalment tkun iċċelebrata l-festa tal-lokal. 

Skont il-Gvern, il-ħsieb wara din id-deċiżjoni hu mnebbaħ minn diversi aspetti, primarjament is-sigurtà u l-ħażna fil-kmamar tan-nar. Dan fid-dawl li l-maġġoranza tal-kmamar tan-nar kienu avvanzaw sew fix-xogħol pirotekniku meta ttieħdet id-deċiżjoni li din is-sena ma jsirux il-festi esterni mill-awtoritajiet tal-Knisja. 

Il-pulizija se tkun qed tagħti permessi għal ħruq tan-nar f’dawn il-ġranet u l-ħinijiet:

•          Lejliet u nhar il-festa filgħodu u f’nofsinhar

•          Lejliet il-festa fil-ħin ta’ tranżulazzjoni (għall-ħabta tas-6pm)

•          F’nhar il-festa jingħata permess limitat għal ħarqa ta’ siegħa filgħaxija

•          Mhux se jingħata permess għall-ebda logħob tan-nar tal-art u lanqas għal displays

Dan kollu għandu jsir b’rispett lejn l-Avviżi Legali maħruġa biex ikun miġġieled it-tixrid tal-COVID-19 u mhu se jkun ittolerat ebda ksur ta’ liġi.  

Intant, ladarba l-kmamar tan-nar se jkunu qed jaħarqu ferm inqas nar minn dak li jkunu ħadmu għalih, se tkun limitata l-kwota ta’ oxidizer li dawn l-għaqdiet tan-nar jieħdu għas-sena d-dieħla. 

Dawn id-deċiżjonijiet kienu meħuda mal-istakeholders involuti u wara konsultazzjoni ma’ esperti fis-suġġetti relatati. 

Il-Gvern qed javża bil-quddiem li qed jirriserva d-dritt li jibdel l-pożizzjoni tiegħu skont iċ-ċirkostanzi.