Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ħalla sisien sodi warajh fil-qasam tat-tagħlim vokazzjonali, partikolarment fl-MCAST. Dan ikkonfermah is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Frank Fabri, meta kkummenta fuq it-tħejjija tal-politika tal-Gvern ghall-edukazzjoni lura fl-2014:
“Waħda mill-4 miri kienet iffukata propju fuq il-valur miżjud li għandu l-qasam vokazzjonali. Sibna ħafna xogħol tajjeb qabel l-2014.”
Frank Fabri għadda dawn il-kummenti waqt it-tnedija tal-Prospektus tal-MCAST għas-sena skolastika li jmiss, li jinkludi fih firxa ta’ aktar minn 190 kors fis-6 Isitituti tal-MCAST madwar il-pajjiż li jesploraw il-kreattività tat-12,000 student, fosthom 7 korsijiet ġodda.
Dawn huma Baċellerat fl-Edukazzjoni Vokazzjonali, li jikkumplimenta Masters degre li nfetaħ is-sena l-oħra fil-pedagoġija tagħha, kif ukoll 6 Advanced Diplomas fil-Finanzi u l-Insurance, Retail, Tiswijiet tal-Ajruplani, Roboktika, Teknoloġija tad-Drones, Intelliġenza Artifiċjali u l-Automation kif ukoll fl-Immaniġġjar tat-Trasport u l-Loġistika.
Il-Prinċipal tal-Kulleġġ, il-Professur James Joachim Calleja, qal li l-Baċellerat qiegħed joffri opportunità lill-industrija biex jieħdu ħsieb l-apprentisti b’mod aktar pedagoġiku, vokazzjonali u edukattiv. Huwa ħabbar ukoll kif ġew riveduti 21 kors ieħor b’konsultazzjoni mal-industrija tax-xogħol.
Il-prospektus il-ġdid għandu disinn u fotografija tal-istudenti u l-letturi tal-Kulleġġ fi ħdan l-Istitut għall-Arti Kreattiva bil-għan li jipproduċu xi ħaġa utli li jaf isibu ‘l quddiem fil-karriera tagħhom, kif spjegat l-istudenta Francesca Vella:
“Ridna noħolqu xi ħaġa interattiva mal-istudenti biex ikunu jistgħu jirrelataw mal-prospectus kif ukoll jieħdu gost iqallbu fih. Din l-esperjenza, nista’ ngħid, li kienet sabiħa ħafna għaliex ippreparatna għall-futur.”
Il-pubbliku huwa mistieden jaqra l-Prospektus fuq il-websajt www.mcast.edu.mt jew jiġbru kopja mill-kunsilli lokali.
//= $special ?>