Coronavirus Ekonomija Lokali Unjoni Ewropea

Tbassir ta’ tnaqqis ta’ kważi 6% għall-ekonomija Maltija

Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li f’Malta d-daqqa ekonomika kaġun tal-imxija preżenti se tkun ta’ 5.8%. L-impatt li l-imxija tal-Coronavirus se tħalli fuq l-Unjoni Ewropea u fuq Malta se jkun kbir, bi tbassir ekonomiku mill-Kummissjoni Ewropea (Spring Economic Forecast), jgħid li Malta se taffaċċja riċessjoni u nuqqas sostanzjali fl-iżvilupp ekonomiku fis-snin li ġejjin.

Dan it-tbassir qed jgħid li Malta se taffaċċja daqqa ekonomika aktar minn dak previst mill-aġenzija Fitch, hekk kif l-aġenzija qed tgħid li t-tnaqqis se jkun ta’ 4.2%.

Minn ċifri ppubblikati mill-NSO rajna li matul ix-xahar ta’ Marzu, u allura x-xahar li fih pajjiżna daħal f’emerġenza medika minħabba l-Covid-19, il-Gvern ra tnaqqis sinifikanti fid-dħul tiegħu minħabba l-istaġnar ekonomiku li esperjenzajna.

Meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel, id-dħul mill-VAT naqas bi kważi €8 miljuni filwaqt li kien hemm tnaqqis ta’ €27 miljun mill-Income Tax. Dan fih innifsu hu konferma tad-daqqa enormi fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna, bil-kummerċ u x-xiri jonqos drastikament.

L-istatistika tal-NSO turi li l-Gvern bħalissa għandu żbilanċ ta’ aktar minn €312-il miljun. Din iċ-ċifra wasalna għaliha fl-ewwel kwart tas-sena, minn Jannar sa Marzu, minħabba li d-defiċit żdied b’€178 miljun.

F’Marzu biss, aktar minn 350 ħaddiem spiċċaw tkeċċew mix-xogħol kawża ta’ din il-pandemija.