6 TA’ MEJJU 2017
Hibernians iċċelebraw bil-kbir ir-rebħ tat-12-il kampjonat fl-istorja tagħhom b’rebħa kbira ta’ 6-1 kontra Tarxien Rainbows quddiem 2,688 spettatur. Dan kien it-tieni kampjonat mirbuħ mill-Pawlisti taħt it-tmexxija ta’ Mark Miller. Huma spiċċaw il-kampjonat b’71 punt, sebgħa aktar minn Balzan u disgħa aktar minn Birkirkara. Hibernians rebħu 22 logħba, ġew draw ħamsa u tilfu sitt logħbiet, f’dak li kien l-aħħar kampjonat milgħub bi 12-il tim.
Il-Pawlisti għamlu ċert mir-rebħa fl-ewwel minuti. JURGEN DEGABRIELE kien il-protagonist assolut bi tripletta fl-ewwel 11-il minuta. L-ewwel gowl wasal wara tliet minuti b’daqqa ta’ ras wara kross ta’ Jackson Lima. It-tieni gowl wasal tliet minuti wara meta kkontrolla kross ta’ Clayton Failla u b’xutt fl-angolu tax-xibka.
Il-festa ta’ Hibernians kompliet bit-tielet gowl fil-11-il minuta. Huma ngħataw penalty wara li Bradley Barbara mess il-ballun b’idu fil-kaxxa. JURGEN DEGABRIELE nkariga ruħu u skorja mir-rebound wara li l-ewwel xutt kien salvat parzjalment. L-iskor sar 4-0 fl-20 minuta bi kross ta’ Failla jsib lil JORGINHO li antiċipa lil kulħadd bir-ras u skorja l-għaxar gowl tiegħu fil-kampjonat.
B’distakk daqshekk wara ftit minuti, il-partita tilfet l-interess. Kien għad fadal aktar gowls iżda waslu lejn it-tmiem. b’JACKSON LIMA jirnexxilu jiskorja l-ħames gowl fit-82 minuta. Tarxien skorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni lejn it-tmiem minn penalty ta’ ALEX NILSSON iżda GILMAR DA SILVA RIBEIRO ssiġilla r-rebħa fit-88 minuta bi ġmiel ta’ gowl.
Wara l-logħba, wasal il-mument mistenni, bil-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Norman Darmanin Demajo jippreżenta t-trofew lill-captain Clayton Failla, biċ-ċelebrazzjonijiet ikomplu fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid.
//= $special ?>