Internazzjonali Lokali Saħħa

WHO tagħżel ritratt minn Malta b’rikonoxximent lejn l-infermiera u l-qwiebel

Ritratt ta’ żewġ infermiera li qed iżommu lil xulxin bħala turija ta’ appoġġ hekk kif waslu biex jikkuraw pazjenti tal-coronavirus fl-Isptar Mater Dei ntgħażel mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) biex tfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Infermiera u l-qwiebel.

Il-fergħa Ewropa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għażlet ir-ritratt biex tużah bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tagħha biex tfakkar dan il-Jum Internazzjonali pero r-ritratt se jkun qed jintuża wkoll għall-Jum l-Infermiera ċċelebrat fit-12 ta’ Mejju.

L-infermier li ħa r-ritratt kien ammetta fil-ħin li ttieħed li l-emozzjonijiet kienu għoljin, speċjalment minħabba li n-numru ta’ każijiet ġodda f’Malta u Għawdex kien qed jiżdied kuljum.

F’post fuq Facebook, akkumpanjat mir-ritratt u bil-kliem “GRAZZI” id-WHO ddeskriviet lill-infermiera u l-qwiebel bħala dawk li “jsalvaw ħajjiet u jagħtu kontribut kritiku għas-saħħa globali”.

Ir-ritratt kien sar ferm poplari lura f’April li għadda wara li ħareġ fis-sit ta’ Times of Malta. Mijiet ta’ nies imbagħad bdew jużaw ir-ritratt biex juru l-apprezzament tagħhom u jirringrazzjaw lill-frontliners għax-xogħol iebes tagħhom waqt li l-pajjiż qed jiġġieled l-imxija tal-COVID-19.

Il-WHO sabet ir-ritratt fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali tat-Times of Malta u mbagħad talbet il-permess tal-infermiera biex tużah.