Tul l-aħħar 24 siegħa saru 1392 test, minnhom irriżultaw żewġ każi ġodda pożittivi għal din l-imxija. Fl-aħħar sigħat kienu 4 li fiequ mill-Coronavirus bit-total ta’ dawk imfejqa huwa dak ta’ 407.
Il-Professur Charmaine Gauci qalet li t-total ta’ persuni li rriżultaw pożittiv s’issa huwa ta’ 482.
Iż-żewġ każijiet huma ta’ mara Maltija ta’ 30 sena li ma kinitx qed taħdem. Il-każ l-ieħor huwa marbut mal-każ tal-anzjan li miet ta’ 81 sena li miet fl-aħħar sigħat – carer ta’ 32 sena mill-Filippini u taħdem fl-Isptar Karin Grech.
15-il pazjent fl-istess sala tal-anzjan u 56 membru tal-istaff sarilhom it-test, dawn kollha ħarġu negattivi apparti l-każ imħabbar tal-carer.
Dwar iċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far li jinsab fi kwarantina qalet li t-total ta’ każijiet fiċ-ċentru kien ta’ 50, hija qalet li numru tajjeb minnhom fiequ, b’total ta’ 21 persuna li fiequ u diġà għamlu sebat ijiem ta’ kwarantina u baqgħu negattivi. Huma bħalissa jinsabu f’sezzjoni oħra f’Ħal Far.
Is-Supridendent tas-Saħħa Pubblika qalet li hemm 19 -il persuna oħra li fiequ imma għadhom fil-perjodu addizzjonali ta’ sebat ijiem kwarantina.