Futbol Sport

34 SENA ILU: Steaua Bucharest l-ewwel tim mill-Ewropa tal-Lvant li rebaħ it-Tazza taċ-Champions

(Ritratt: UEFA)

7 TA’ MEJJU 1986

Eżattament bħal-lum 34 sena ilu, it-tim Rumen ta’ Steaua Bucharest sar l-ewwel tim mill-Ewropa tal-Lvant li sar Champions tal-Ewropa bir-rebħ tat-Tazza taċ-Champions. Huma kisbu s-suċċess meta fil-finali li ntlagħbet f’Sevilla rebħu 2-0 bl-għoti tal-penalties kontra Barcelona, wara l-logħba fil-ħin regolamentari kienet intemmet 0-0. L-eroj tal-finali kien il-gowlkiper Rumen Helmut Duckadam li salva erba’ penalties konsekuttivi.

Il-partita ntlagħbet quddiem 65,000 spettatur, bil-maġġoranza assoluta tagħhom kienu ta’ Barcelona minħabba li l-logħba ntlagħbet fi Spanja. Il-partita kellha żewġt uċuħ għaliex wara li l-ewwel taqsima ddiżappuntat, fit-tieni taqsima l-logħob tjieb, bl-Ispanjoli jonqsu li jinfdu lid-difiża kompatta ta’ Steaua.

Bil-logħba tibqa’ 0-0 wara l-ħin barrani, il-penalties kellhom jiddeċiedu l-logħba. Il-gowlkiper ta’ Barcelona Javier Urruti salva l-ewwel żewġ tentattivi, l-istess bħal ma għamel Duckadam. Il-gowlkiper Rumen salva żewġ penalties oħra, b’Marius Lăcătuș u Gabi Balint jiskorja għal Steaua. Mal-penalty skorjat minn Balint, l-istadium ta’ Sevilla nbidel f’ċimiterju bis-silenzju li waqa’. Fi tmiem il-logħba, il-captain ta’ Steaua Bucharest Stefan Iovan ġie ppreżentat it-trofew, fost il-ħemda mill-partitarji Spanjoli.