Coronavirus Impenn għas-Saħħa Lokali

Bad Boy Cleaners jappoġġjaw lid-Dar tal-Providenza

L-impjegati tal-kumpanija Bad Boy Cleaners offrew il-ħin u s-servizzi tagħhom lir-residenti tad-Dar tal-Providenza meta marru jagħmlu xogħolijiet ta’ tindif minflok l-impjegati regolari tad-dar, li bħalissa ma jistgħux jagħmlu dan ix-xogħol minħabba s-sitwazzjoni ta’ emerġenza attwali.

Il-pandemija tal-Covid-19 ikkawżat problema għax l-impjegati u l-voluntiera li jaħdmu mad-Dar tal-Providenza kellhom inaqqsu drastikament il-ħinijiet tal-ħidma tagħhom biex jibqgħu mal-familji tagħhom u josservaw il-miżuri ta’ distanza soċjali.

F’din is-sitwazzjoni, Bad Boy Cleaners offrew li jgħinu lid-Dar tal-Providenza billi wettqu servizzi ta’ tindif u ta’ manutenzjoni bis-saħħa tal-persunal professjonali tagħhom.

Claudine Ellul Sullivan, Managing Director ma’ Bad Boy Cleaners, qalet li l-kumpanija fehmet immedjatament li t-tifqigħa tal-virus kien se jkollha impatt negattiv fuq ir-residenti f’din id-dar, u għalhekk offrew li jgħinuhom.

“Aħna tassew kburin bl-impjegati tagħna, għall-impenn u l-entużjażmu li qed juru,” qalet Ellul Sullivan. “Minn meta missieri waqqaf il-kumpanija ħamsin sena ilu, Bad Boy Cleaners dejjem kienet kumpanija li tat għajnuna lil persuni f’kundizzonijiet vulnerabbli.”

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, irringrazzja lill-maniġment u lill-impjegati ta’ Bad Boy Cleaners għall-ġest ġeneruż tagħhom u għas-servizz “impekkabbli” li taw lir-residenti.

“L-inizjattiva tal-Bad Boy Cleaners waslet fiż-żmien opportun,” qal Fr Micallef, filwaqt li spjega kif id-Dar tal-Providenza esperjenzat tnaqqis qawwi fil-fondi u fl-ammont ta’ voluntiera minħabba l-pandemija, waqt li diversi ħaddiema regolari kellhom inaqqsu l-ħinijiet tagħhom.

“Dan huwa perjodu tassew diffiċli għar-residenti tagħna, li l-kura tagħhom tiddependi fuq il-ġenerożità ta’ mijiet ta’ individwi u kumpaniji.” Id-direttur maniġerjali tal-kumpanija Bad Boys Cleaners qalet li l-komunità kummerċjali f’Malta għandha rwol importanti matul din l-emerġenza tal-coronavirus u ħeġġet lil kumpaniji oħra biex jagħmlu l-parti tagħhom ukoll.