In-Nazzjonijiet Uniti appellat għal talanqas (l-ekwivalenti ta’) erba’ biljun ewro aktar bħala fondi li jipproteġu l-ħajja ta’ miljuni u li jgħinu għall-miżuri li jevitaw il-firxa tal-coronavirus fl-aktar pajjiżi fraġli. L-appell isegwi t-talba għal madwar żewġ biljun ewro oħra meta n-NU, f’Marzu, nediet il-pjan globali għal reazzjoni umanitarja fid-dawl tal-kriżi – u li minnhom diġà rċeviet nofshom.
Mark Lawcock, is-Sotto-Segretarju-Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji, wissa , intant, li ‘l-aktar effetti devastanti tal-pandemija għandhom jinħassu fl-ifqar pajjiżi tad-dinja’, Hu sostna li nuqqas ta’ azzjoni ‘issa’ għandha ssarraf f’żieda sinifikanti ta’ konflitti, ġuh u faqar fil-kontinenti mġarrba.
Lawcock wissa wkoll dwar ‘l-iżvilupp f’daqqa ta’ sitwazzjonijiet ta’ ġuh b’impatt dirett għal għexieren ta’ eluf madwar id-dinja’ — u meta jinħtieġu l-miżuri straordinarji li jevitaw din it-traġedja għall-umanità.
Intant, xejn anqas minn disa’ pajjiżi oħra żdiedu mal-lista ta’ ‘il fuq minn 50 pajjiż vulnerabbli. Il-fondi ta’ emerġenza impenjati għal dawn il-pajjiżi qed jintużaw, fost oħrajn, għax-xiri ta’ tagħmir mediku li jgħin għall-eżamijiet u t-trattament tal-morda. Qed jinxtraw ukoll il-‘hand-washing stations’, fost l-iffinanzjar tal-kampanji ta’ informazzjoni u t-trasport tal-ajru, fuq bażi umanitarja, lejn l-Afrika, l-Asja u l-Amerika Latina.
In-NU qed tgħid li l-pajjiżi donaturi, li qegħdin jiffaċċjaw il-problemi tagħhom f’din il-kriżi, diġà impenjaw ‘il fuq minn 900 miljun ewro biex jgħinu lill-aktar pajjiżi foqra, iżda r-realtà hi li se jinħtieġu dejjem aktar fondi.
F’din is-sitwazzjoni, ħafna fost l-aktar Stati fraġli tad-dinja mhumiex mistennija jaraw l-eqqel tal-pandemija qabel jgħaddu tlieta jew sitt xhur oħra. Dan meta l-fondi mitluba għall-impenn umanitarju mistennija jkopru l-ispejjeż ta’ response plan speċifiku għal dawn il-pajjiżi, sal-aħħar tas-sena.
//= $special ?>